Lokali Qorti

Illiberat minn akkużi ta’ feriti gravi fuq nuqqas ta’ provi

Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ma sabitx ħati raġel ta’ 33 sena li f’Lulju tas-sena li għadda hedded lil martu u li weġġa’ gravi lil qarib tagħha f’inċident li seħħ fil-Munxar, Għawdex. Hu ġie lliberat fuq nuqqas ta’ provi peress li x-xhieda prinċipali, nkluż martu għażlu kif kellhom dritt li jagħmlu skont il-liġi biex ma jixhdux.

Il-każ seħħ fil-25 ta’ Lulju fejn għall-ħabta tas-2.30am. l-akkużat allegatament beda jiffastidja lil martu u lil qarib tagħha f’Ta’ Sannat Għawdex. L-argument kompla jippersisti u għall-ħabta tat-3.30 a.m. fi Triq Ras il-Bajja fil-Munxar, skont il-Prosekuzzjoni l-akkużat beda jhedded lil martu u weġġa’ gravi lil qarib tagħha kif ċertifikat mit-tobba fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-Maġistrat Simone Grech qalet li fid-dawl tal-fatt li kemm martu u lanqas qrabatha ma xehdu fil-konfront tal-akkużat, il-qorti spiċċat sajma minn provi dwar dan l-allegat inċident għax ix-xhieda li tressqu kienu biss uffiċjali tal-Pulizija u tobba li kienu ħarġu ċ-ċertifikati mediċi għal uħud mill-akkużi.

Il-Qorti qalet li fattur importanti f’dawn il-proċeduri huwa li dawn l-Pulizija u t-tobba setgħu jixhdu dwar dak li ntqalilhom jew dwar dak li eżaminaw fuq il-persuna tal-allegati vittmi, għaliex milli jidher kien hemm aktar minn wieħed li safa aggredit, imma b’kundizzjonijiet vera minimi.

Il-Qorti qalet li dawn ix-xhieda li taw id-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti ma kinux xhieda li raw b’għajnejhom l-allegat inċident. Fattur ieħor huwa li fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, l-akkużat għażel li ma jweġibx għal biċċa l-kbira tad-domandi li saru u għalhekk il-Qorti lanqas ma setgħet tistrieħ fuq il-kontenut tal-istqarrija.

Għaldaqstant il-Qorti iddikjarat li l-ebda waħda minn dawn l-akkużi ma ġew ipprovati għax il-Prosekuzzjoni naqset li tressaq l-aħjar prova u lil hinn minn kull dubbju raġjonevoli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri. Għall-akkużat deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.