Internazzjonali

Miet l-attur Topol, il-protagonista ta’ ‘Fiddler on the Roof’

Chaim Topol, l-attur u kantant Iżraeljan magħruf l-aktar għall-interpretazzjoni tiegħu bħala Tevye u d-diska ‘If I were a rich man’, f’Fiddler on the Roof, miet fl-età ta’ 87 sena.

Topol, li kien magħruf ħafna b’kunjomu biss, miet f’daru fl-Iżrael nhar l-Erbgħa imdawwar mill-familja tiegħu. Ibnu dan l-aħħar kien ikkonferma li s-sena l-oħra Topol  beda jbati mid-dimenzja.

Fi stqarrija li ħabbret il-mewt ta’ Topol, il-President tal- Iżrael Isaac Herzog, iddeskrivieh bħala “attur b’don kbir li kiseb fama kemm fl-Iżrael u anke f’pajjiżi oħra, mela l-iskrins taċ-ċinema bil-preżenza tiegħu u daħal fil-fond ta’ qalb in-nies.”

Topol interpreta l-parti ta’ Tevye fil-musical tal-palk fuq ħames deċennji.  Huwa stmat li ħadem dan l-irwol aktar minn 3,500 darba. Chaim Topol interpreta wkoll il-missier Lhudi fil-film tal-1971, li għalih rebaħ premju Golden Globe għall-aħjar attur, u kien nominat għall-aħjar attur fl-Academy Awards.

Kellu biss 30 sena meta beda jaħdem għall-ewwel darba il-parti ta’ Tevye fuq il-palk fl-1966. Topol uża l-makeup u l-kostum biex jagħmel lilu nnifsu jidher akbar fl-eta’.  Imbagħad fl-2009, meta kellu 70 sena, kellu jaħdimha ta’ raġel iżgħar mis-snin li fil-fatt kellu.

“Kemm nies huma magħrufa għal parti waħda? Kemm nies fil-professjoni tiegħi huma magħrufa mad-dinja kollha? Għalhekk m’għandix xi ngerger,” qal f’intervista fl-2015. “Kultant nistagħġeb meta mmur iċ-Ċina jew meta mmur Tokyo jew meta mmur Franza jew kwalunkwe pajjiż ieħor u l-iskrivan tal-immigrazzjoni jgħid ‘Topol, Topol, int Topol?’ Mela iva, ħafna nies raw “Fiddler”, u din żgur mhix xi ħaġa ħażina.”

Imwieled f’Tel Aviv fl-1935, Topol daħal fl-armata Iżraeljana fl-eta’ ta’ 18-il sena. Hemmhekk sar membru ta’ troupe tad-divertiment, ikanta u jirreċta fit-triq. Rwol wieħed li kellu matul iż-żmien tiegħu fit-troupe kien Sallah Shabati fi skits komiki miktuba mid-direttur u kittieb Ephraim Kishon, li aktar tard idderieġa lil Topol f’adattament għal film fl-1964.

Topol beda jikseb rikonoxximent internazzjonali għall-prestazzjoni tiegħu fis-satira, li ssegwi l-karattru prinċipali hekk kif hu u l-familja tiegħu jinnavigaw fil-kaos tal-immigrazzjoni Iżraeljana. Topol rebaħ Golden Globe għall-aktar attur ġdid promettenti, u Sallah Shabati kien l-ewwel film Iżraeljan li ġie nominat għall-aħjar film barrani fl-Academy Awards.

Sentejn wara, Topol iddebutta bħala Tevye, u ħa post Shmuel Rodensky għal ftit ta’ żmien, fil-produzzjoni Iżraeljana meta l-attur marad. Il-produttur tal-ispettaklu oriġinali ta’ Broadway, Harold Prince, sejjaħ lil Topol biex jagħmel audition għall-produzzjoni tal-West End li kien imiss. Biex isir fluwenti fil-lingwa Ingliża, Topol immemoriżża l-cast album ta’ Broadway u qatta’ sitt xhur Londra jitgħallem il-parti tiegħu fonetikament ma’ kowċ vokali.

Ftit xhur wara li fetaħ, Topol reġa’ lura l-Iżrael meta ġie msejjaħ waqt il-gwerra Għarbija-Iżraeljana ta’ sitt ijiem u ngħaqad ma’ troupe tad-divertiment. Wara rritorna Londra u deher f’aktar minn 400 prestazzjoni.

Huwa reġa’ ħadem il-parti ta’ Tevye fil-film tal-1971 wara li d-direttur Norman Jewison iddeċieda li ma jużax lill-attur ta’ Broadway Zero Mostel, li kien għamel l-irwol famuż fl-Istati Uniti. Topol rebaħ Golden Globe għall-aħjar attur għall-prestazzjoni tiegħu fil-film, u kien nominat għall-aħjar attur fl-Academy Awards.

Huwa kompla fl-irwol f’diversi produzzjonijiet ta’ Fiddler on the Roof madwar l-Istati Uniti, Londra, l-Iżrael u l-Awstralja sal-2009. Topol kien nominat għal premju Tony fl-1991 għar-revival ta’ Broadway fl-1991.

Topol kellu wkoll il-parti prinċipali fil-musical ta’ Broadway The Baker’s Wife, iżda tkeċċa wara tmien xhur mid-direttur David Merrick għal imġieba mhux professjonali.

Huwa kiseb rwoli f’films fosthom Galileo Galilei fil-film Galileo, Dr Hans Zarkov f’Flash Gordon u l-alleat ta’ James Bond, Milos Columbo f’For Your Eyes Only. Huwa għamel il-vuċi ta’ Bagheera fil-verżjoni bil-lingwa Ebrajka ta’ The Jungle Book, u Rubeus Hagrid fl-ewwel żewġ films ta’ Harry Potter.

Fl-aħħar snin tiegħu, Topol kiteb u għamel illustrazzjonijiet għall-kotba, u waqqaf organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ għal tfal bi bżonnijiet speċjali. Fl-2015, ingħata l-Premju Iżrael, wieħed mill-aqwa unuri tal-pajjiż.