Internazzjonali

Ir-Repubblika tal-Ġorġja: Il-Gvern iċedi dwar l-abbozz iżda l-protesti se jkomplu

Il-Partit li qed imexxi lill-Ġorġja għandu jirtira abbozz ta’ liġi kontroversjali meta l-poplu qed jesprimi kontinwament ir-rabja tiegħu għal pass li kapaċi jtellef id-demokrazija f’pajjiż li qed jittama fi sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Eluf kbar, f’dawn il-ġranet, ħarġu jipprotestaw fit-toroq wara li l-Gvern tal- Prim Ministru Irakli Gharibashvili appoġġja lill-abbozz li jmur kontra kull kunċett demokratiku u li fost oħrajn seta’ jintuża biex joħnoq lill-istampa ħielsa.

Skont l-abbozz, l-entitajiet u l-media mhumiex assoċjati mal-Gvern setgħu jispiċċaw mira għal ‘persekuzzjoni’ f’każi fejn jingħataw aktar minn 20 fil-mija tal-finanzjament minn barra. Il-liġi ‘fuq l-istil intolleranti tar-Russja’ kienet ilha suġġetta għall-proċess biex tgħaddi mill-Parlament iżda, issa, il-Partit ewlieni fil-Gvern, bl-isem ‘Ħolma Ġorġjana’ irtira l-abbozz mingħajr  kundizzjonijiet.

L-istess partit qal li hu responsabbli għas-soċjetà kollha u li jrid jevita l-konfronti perikolużi fil-pajjiż. Dan wara li l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kundannaw l-abbozz tal-liġi bħala inkompatibbli mal-valuri tal-Ewropa.

Id-delegazzjoni tal-UE fil-Ġorġja, iżda, laqgħet tajjeb id-deċiżjoni biex l-abbozz ma jintużax bħala prattika ‘il quddiem waqt li ħeġġet biex il-politiċi f’dan il-pajjiż ikomplu bir-riformi li l-Unjoni tixtieq li tara implimentati fil-Ġorġja.

Il-U-turn tal-Gvern segwa tieni lejl ta’ konfronti bejn il-pulizija għal kontra l-irvellijiet u d-dimostranti ta’ kontra l-abbozz fil-belt ta’ Tbilisi – b’ħafna mill-inkwiet iseħħ barra l-bini tal-Parlament, Dan waqt li l-pulizija reġgġet sparat il-gass u l-ġettijiet tal-ilma fuq in-nies li bdew jgħajjtu ‘Le għal-liġi tar-Russja’.

U minkejja d-deċiżjoni tal-Gvern biex iwarrab l-abbozz, il-Partiti tal-Oppożizzjoni fil-Ġorġja mhumiex qed jaħsbu biex iwaqqfu l-protesti. Huma insistew biex l-irtirar tal-abbozz ikun spjegat ‘b’mod ċar’ u biex jinħelsu n-nies kollha li spiċċaw arrestati għal sehemhom fl-aħħar dimostrazzjonijiet.