Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal żewġ żgħażagħ fuq serq minn maħżen fl-Imrieħel

Żewġ żgħażagħ ingħataw sentenza sospiża wara li ammettew li kienu involuti f’serqa ta’ sigaretti u diversi oġġetti oħra minn maħżen fl-Imrieħel. Dan il-maħżen kien fil-mira ta’ serq għal tliet darbiet f’perjodu ta’ tliet xhur, Minbarra sentenza sospiża huma tpoġġew taħt ordni ta’ superviżjoni.

Carlos Pace, mill-Marsa u Daniel Vella, miż-Żejtun, it-tnejn ta’ 21 sena, kienu ammettew għall-akkużi meta tressqu flimkien ma’ erba’ rġiel oħra fil-21 ta’ Frar li għadda. Il-Prosekuzzjoni mill-ewwel kienet infurmat lill-Qorti dwar investigazzjonijiet dwar serqiet li bdew fil-15 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra meta sar rapport li numru konsoiderevoli ta’ sigaretti u oġġetti oħra spiċċaw neqsin mill-maħżen.

It-tieni attentat ta’ serq kien spiċċa mxekkel f’Jannar meta daqqet l-allarm tal-maħżen. Ftit jiem wara, l-istess binja reġgħet kienet fil-mira u nsterqet aktar merkanzija. Sussegwentement l-investigaturi kienu sabu numru ta’ oġġetti misruqa ġewwa vettura u ħanut ta’ raġel ta’ Ħaż-Żabbar li sussegwentement ġie mixli li allegatament laqa’ għandu oġġetti misruqa.

Eventwalment, sitt suspettati tressqu flimkien, kollha wieġbu mhux ħatja ħlief għal Pace u Vella, li ngħataw il-libertà proviżorja sakemm tingħata s-sentenza. Meta reġgħu tressqu l-Qorti disat ijiem wara, it-tnejn ikkonfermaw il-ħtija tagħhom wara li ngħataw biżżejjed żmien biex jerġgħu jikkunsidraw l-ammissjoni tagħhom.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qieset l-ammissjoni bikrija tagħhom meta ngħatat il-piena. Fis-sentenza tagħha hi qalet li għalkemm iż-żewġ akkużati kienu adulti, fid-dawl tal-“età tenera” tagħhom qieset li, aktar milli tikkundannahom għal priġunerija effettiva, ikun aħjar li tiġi imposta piena li tagħtihom iċ-ċans li jirriformaw lilhom infushom.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti kkundannat lil Pace għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u lil Vella għal sena ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Qorti poġġiet ukoll liż-żewġ żgħażagħ taħt ordni ta’ superviżjoni li għandha ddum sentejn fil-każ ta’ Pace u sena fir-rigward ta’ Vella. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca, Christina Delia u Ritienne Gauci. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu l-avukati difensuri.