Raġel ta’ 29 sena residenti l-Ħamrun ġie kkundannat 20 xahar ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ serq meta ftit inqas minn tliet snin ilu ttanta jiżgassa l-bieb tal-laboratorju tal-kimika tal-Università fejn tiġi analizzata d-droga li tkun esebita fil-Qorti.
Irriżulta li Juanito Jimenez li wettaq ir-reat li seħħ wara s-1pm. instab ħati wkoll li bir-reat li wettaq kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar riċediv. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon qalet fil-Qorti qalet li l-każ seħħ fil-25 ta’ Ġunju tal-2020, fil-Fakultà tal-Kimika fl-Università ta’ Malta. Qal li filmati tal-cameras tas-sigurtà tal-Università li ġew esebiti fil-Qorti mill-Ispettur nniffsu u l-Ispettur Joseph Mercieca.
Jimenez inqabad jipprova jiżgassa l-bieb magħruf bħala “security door” tal-Fakultà, li jinsab fit-tielet sular tal-binja. Miegħu, kien hemm żewġ persuni oħra li kienu libsin maskra tal-Covid-19. L-iżgass ġie sfrattat meta daqqet l-alarm tal-bieb.
Uffiċjal fl-Universita’ ta’ Malta xehed li għall-ħabta ta’ 1.30pm irċeiva telefonata li kien daqq l-alarm tal-Fakolta’ tal-Kimika. Ftit tal-ħin biss wara, huwa ra l-camera tas-sistema CCTV li hemm barra -binja fl-‘unloading area’, fejn osserva tliet individwi li kienu qegħdin javviċinaw il-bieb tal-ġenb tal-Fakolta’ iżda dak il-ħin fil-binja kellhom ikun hemm biss xi żewġ membri tal-istaff u dawn l-individwi ma kienux jidhru li huma membri tal-istaff.
Spjega wkoll illi dak iż-żmien ħadd ma seta’ jkollu aċċess għall-Fakolta’ tal-Kimika ħlief permezz ta’ ‘access card’
Huwa baqa’ jsegwi l-cameras li hemm ġewwa l-Fakolta’ u dehru l-istess individwi ħerġin fejn ukoll hemm cameras istallati, filwaqt li wieħed minn dawn il-persuni marru fejn bieb partikolari u jidher jipprova jisgassa l-bieb.
Ix-xhud fisser li din il-kamra għandha żewġ bibien, wieħed tal-aluminium barra u ieħor tal-ħadid ġewwa u ra
fuq il-filmat illi kif infetaħ l-ewwel bieb tal-aluminium, daqq l-alarm u l-persuni kollha ħarġu jiġru ‘l barra. Apparti l-piena ta’ ħabs, l-akkużat ġie ordnat iħallas €176 fi spejjeż tal-Qorti. Filwaqt, li l-Maġistrat Montebello ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ €20,000 li kien għamel il-ħati bħala depożitu u garanzija personali. Jekk huwa ma jħallas din is-somma jrid jagħmilhom ħabs.


