Lokali

65 perit jingħataw il-warrant

F’ċerimonja li saret fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valetta, 65 persuna ngħataw il-warrant ta’ perit sabiex ikunu jistgħu jibdew jipprattikaw dak li studjaw u jwettqu l-ħidma tagħhom fis-settur tal-ippjanar, id-disinn tal-bini u l-kostruzzjoni.

F’diskorsi tal-okkażjoni ntqal li sfortunatament ġieli jseħħu inċidenti f’din l-industrija li jitfgħu dawl iktar fuq din il-professjoni. Għalhekk il-periti kienu mħeġġa biex id-disinji li joħolqu jkunu sostenibbli peress li l-ħidma tagħhom tħalli impatt kbir fuq il-ħajja tan-nies.

Intqal li l-professjoni ta’ perit tagħti bixra fiżika lil-identità ta’ pajjiżna. U huwa importanti li l-periti ma jinġarrux mill-kurrent u jaġixxu b’mod ġust fid-deċiżjonijiet illi jieħdu.

Apparti dan għandha tkompli tiżdied il-ħidma sabiex dan is-settur ikompli jevolvi f’wieħed aktar regolat. Il-kelliema appellaw lill-periti l-ġodda sabiex jagħmlu ħilithom biex iħallu pajjiż isbaħ milli sabuh u joffru żvilupp ta’ livell għoli.