Pensjonant ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li ta bis-sikkina lil ibnu waqt argument. Mahmoud El Tarawi ta’ 65 sena resdenti Ħal Tarxien, imwieled fl-Eġittu, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak il-Ġimgħa wara nofsinhar, akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi fuq ibnu ta’ 27 sena bi strument li jaqta’ u bil-ponta.
Ir-raġel ġie mixli wkoll li għamel insulti u theddid li qabeż il-limiti ta’ provokazzjoni u attakka lill-vittma. El Tarawi wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Ispettur Omar Zammit spjega lill-Qorti kif is-Sibt wara nofsinhar il-Pulizija kienet irċeviet rapport ta’ disturb domestiku f’dar f’Ħal Tarxien.
L-imputat kien fetaħ lill-Pulizija meta marru għandu u qalilhom li kien involut f’argument ma’ ibnu li dak il-ħin kien il-poliklinika. El Tarawi kien ta wkoll bis-sikkina allegatament użata biex tikkaġuna l-feriti. Sussegwentement il-Pulizija kienet tkellmet mat-tifel waqt li kien qed jingħata l-kura f’poliklinika, u wara ġie arrestat il-missier.
Fil-Qorti ngħad li waqt li kien arrestat, l-imputat kien ittieħed l-isptar wara li lmenta b’uġigħ f’sidru. Kien il-Ħamis li nħareġ mandat ta’ arrest kontrih u reġa’ ġie arrestat malli nħeles. Waqt li kien qed jiġi interrogat, ir-raġel qal lill-Pulizija li waqt l-argument, ibnu kien wasal biex jitfalu siġġu u li hu qabad sikkina biex jiddefendi lilu nnifsu.
L-Avukat Alfred Abela, l-avukat difensur flimkien mal-avukat Andrew Grima, talbu għall-ħelsien mill-arrest ta’ El Tarawi. L-Ispettur Zammit oġġezzjona għat-talba, u sostna li l-investigazzjonijiet kienu fi stadju bikri wisq. Il-vittma kien jgħix mal-imputat, li bintu kienet ukoll xhud tal-Prosekuzzjoni.
Huwa qal lill-Qorti li t-tifla kienet trawmatizzata ħafna bl-inċident. L-ispettur qal li peress li El Tarawi kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 20 sena ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kien riskju ta’ jaħrab mill-pajjiż, iżda kien qed joġġezzjona fid-dawl tal-fatt li l-vittma u l-akkużat kienu jgħixu taħt l-istess saqaf.
Mistoqsi minn Abela, Zammit ikkonferma li l-imputat kien ilu madwar 24 siegħa fuq Police Bail. Id-difiża argumentat li El Tarawi “kellu kull opportunità” li jsejjaħ lix-xhieda llum, waqt li kien fuq il-Police Bail, iżda li dan ma kienx seħħ. L-Ispettur Zammit ikkonferma li dan kien minnu, fi tweġiba għal mistoqsija tal-Maġistrat.
L-Ispettur sostna li l-imputat kellu jingħata l-Police Bail qabel ma jitressaq il-Qorti, għaliex il-liġi tagħti lill-Pulizija 48 siegħa biex tressaq il-Qorti lil persuna suspettata mill-mument tal-arrest, u li dan il-perjodu ma jieqafx mat-terminu jekk is-suspettat jiddaħħal l-isptar.
L-avukat qal lill-Qorti li l-akbar riskju kien dak ta’ tbagħbis tal-provi, u għalhekk biex itaffu dan ir-riskju, ommu kienet offriet li tipprovdi propjeta’ li kellha f’Raħal Ġdid biex l-imputat joqgħod fiha waqt li jkun fuq garanzija. L-Avukat Abela rrimarka li peress li kienu qraba qrib tal-imputat, ix-xhieda inkwistjoni kellhom dritt legali li ma jixhdux kontrih, jekk xtaqu.
Il-Maġistrat Victor Axiaq laqa’ t-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest ta’ El Tarawi, fejn tah ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €400 u garanzija personali ta’ €5,100, u mponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur iben ir-raġel. L-imputat ġie ordnat ukoll jiffirma ktieb l-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa.
“Mahmoud qed nagħtik il-benefiċċju tad-dubju. Tippruvax tkellem lil ibnek, lanqas jekk javviċinak hu stess,” wissa l-Maġistrat, u informa lir-raġel li kieku kien jagħmel dan, mhux biss jerġa’ jiġi arrestat. talli kiser il-libertà proviżorja, iżda kien jikser ukoll l-ordni ta’ protezzjoni, li hija punibbli b’piena ta’ priġunerija sa sentejn flimkien ma’ multa sa €7,000.
//= $special ?>

