Wara li ġimagħtejn ilu l-Imħallef Francesco Depasquale ta ċanfira lill-Gvern dwar id-deal korrot li kien sar mal-Vitals u sussegwentament ma’ Steward, il-membri tal-Kabinett qed ikomplu jinjoraw dan l-iskandlu tant serju.
Dan id-deal ġie jiswa lill-pajjiżna kważi €400 miljun….flus li kellhom ikunu investiti fis-settur tas-saħħa. Imma l-verità hi li dawn l-obbligi qatt ma twettqu, bil-flus xorta spiċċaw ħarġu mill-bwiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
Wara konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbret skema partikolari ta’ €250,000 biex jinqasmu bejn il-Kunsilli Lokali, Net News saqsa lis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli x’kienu jagħmlu l-Kunsilli kieku ingħataw il-miljuni li ħadu tal-Vitals.
Iżda wara sensiela ta’ domandi, Zerafa Civelli fl-ebda ma ħin ma rreferiet għal dan id-deal. U fl-ebda ħin ma kkundannat is-serqa ta’ dawn il-miljuni ta’ ewro.
Pressata bid-domandi, hi qaltilna li l-fondi qatt m’huma biżejjed iżda għal darba oħra reġgħet injorat il-mistoqsija dwar id-deal tal-Vitals u kompliet tfaħħar il-ħidma tal-Gvern fil-Kunsilli Lokali. Dan minkejja li l-istess Gvern sena wara l-oħra qed ikompli jnaqqas ir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli madwar il-pajjiż.
Intant, meta ġiet mistoqsija dwar min se jġorr responsabbilta’ għal dan id-deal korrott is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli ddeċidiet li titkellem fuq xi ħaġa kompletament differenti.
U fit-tweġiba tagħha insistiet li l-Gvern se jkompli jafda fil-Kunsilli.
S’issa, il-Gvern għadu ma qalx kif se jġib dawn il-miljuni ta’ ewro lura…miljuni li setgħu ntefqu f’setturi differenti u li setgħu ntużaw sabiex tfal, anzjani u persuni vulnerabbli jingħataw l-aqwa kura.
//= $special ?>