Lokali

Figolla Challenge; attività sabiħa b’messaġġ qawwi ta’ solidarjetà għall-istudenti

Wara nuqqas ta’ 3 snin minħabba l-pandemija rritornat il-Figolla Challenge…attività li ilha ssir għal 12-il sena u li tagħti messaġġ sabiħ lill-istudenti, fejn il-flus li jinġabru jingħataw bħala donazzjoni lill-Puttinu Cares.

Barra minn hekk, din l-attività tinkludi Assault Campaign fejn l-istudenti tal-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Nikola f’Ħad Dingli jkollhom l-opportunita jaraw ix-xogħol tal-Forzi Armati.

Net News tkellem ma diversi studenti illi kollha qalu li l-isbaħ ħaġa dwar din l-attività hi li jagħtu somma sabiħa lil Puttinu sabiex jgħinu lil dawk in-nies li bħalissa qed jissieltu l-mard.

Aktar tard matul ix-xahar l-istudenti jkollhom l-opportunita li jżejjnu l-figolli, u li wara jinbiegħu għall-pubbliku sabiex jinġabru aktar flus għal Puttinu Cares.

Waqt id-diskors tiegħu, Andrew Decelis, li tkellem f’isem Puttinu Cares qal li bis-saħħa ta’ dawn id-donazzjonijiet aktar proġetti jkunu possibli sabiex jgħinu lil nies fil-bżonn.

Din is-sena l-għaqda ‘Ramiro and Friends’ se tkun qed tgħin fil-bejgħ tal-figolli.

Net News tkellem ma Marylis Mallia; omm Ramiro Mallia li sfortunatament kien miet madwar sentejn ilu. Marylis saħqet li din l-attività kienet tfisser ħafna għal binha speċjalment meta hu kien student f’din l-iskola. Hija qalet li hu kien ilu jgħin lill-Puttinu Cares minn età żgħira għaliex ta’ età bikrija Ramiro kien ġie bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu.

Intant, l-impjegati ta din l-iskola ħadu l-inizjattiva sabiex il-flus li jieħdu mill-fliexken riċiklati jingħataw bħala donazzjoni lil Puttinu Cares.