Il-propjetà f’Għawdex rat l-akbar żieda fil-prezz bejn Ottubru u Diċembru li għadda hekk kif il-prezz żied b’1.1% meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.
Dan ġie żvelat fi stħarriġ li sar minn Djar u l-EY fejn jidher li din iż-żieda hija aktar mid-doppju tat-tieni l-akbar żieda fil-propjetà li kienet fiż-żona ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema. Iż-żieda f’din iż-żona, li hija sinonima ma prezzijiet pjuttost għoljin fejn tidħol propjeta, kienet ta’ 0.41%.
Għawdex kien l-unika żona li esperjenzat żieda fil-prezz ta’ kull tip ta’ propjetà iżda xorta waħda jkompli joffri l-aktar propjetajiet affordabbli minn Malta.
Fl-istħarriġ juri li appartament f’Għawdex jiswa ftit aktar minn €1,600 kull metru kwadru iżda fiż-żona ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema appartament jiswa ftit aktar minn €3,000 għal kull metru kwadru. Dan ifisser li għal kull metru kwadru, il-prezz tal-propjeta f’Malta huwa kważi ddoppju ta’ Għawdex.
Għalkemm il-prezz tal-propjetà f’Għawdex qed ikompli jisplodi ‘il fuq…il-gżira Għawdxija xorta waħda għadha toffri l-irħas kirjiet. Dan għaliex meta persuna tikri appartament bi tliet ikmamar tas-sodda fir-Rabat Għawdex dan jiswa’ madwar €800 fix-xahar filwaqt li l-istess tip ta’ appartament f’Malta miżerjament jiswa’ €2,000 fix-xahar.
Dan l-istħarriġ żvela li n-numru ta’ appartamenti għal bejgħ bejn Ottubru u Diċembru li għadda kien ta’ 25,000. U allura dan ifisser żieda sostanzjali ta’ bini f’Għawdex fejn saħansitra n-numru ta penthouses għal bejgħ żdied b’erba’ darbiet meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
//= $special ?>