Internazzjonali

Il-Ġermanja: Ħadd ma jaf ir-raġuni għall-attakk qattiel fuq il-membri tal-Jehovah’s Witness

L-awtoritajiet fil-belt ta’ Hamburg għadhom qed jinvestigaw x’wassal biex raġel – eks membru tal-moviment reliġjuż Kristjan, Jehovah’s Witness – jiftaħ in-nar fuq il-membri ta’ dan il-moviment li kienu qed jattendu laqgħa reliġjuża f’sala u bir-riżultat li nqatlu seba’, inkluża tarbija fil-ġuf ta’ ommha.

L-aggressur spiċċa jneħħi ħajtu dritt wara l-attakk u bil-pulizija jsibu l-katavru tiegħu minxur mal-art, minuti biss wara li huma waslu fuq il-post tar-reat, fid-distrett ta’ Gross Borstel.

Ir-rapporti qalu li l-aggressur, identifikat biss bħala Philipp F, kellu ‘mibgħeda’ għall-moviment tal-Jehova’s Witness li darba kien jifforma parti minnu. Instant, mhux maħsub li hu seta’ kellu l-kompliċi f’dan l-attakk, bl-awtoritajiet jeskludu kważi għal kollox il-possibbiltà ta’ terroriżmu.

Ftit tal-ħin ilu, il-pulizija f’Hamburg żvelaw li huma, jiem ilu, kienu rċevew informazzjoni dwar l-istat ‘tas-saħħa mentali’ tal-aggressur — u meta l-uffiċjali marru fid-dar tiegħu huma ma rawx li kien hemm raġuni valida għalfejn jikkonfiskawlu l-arma tan-nar li kienet liċenzjata u li x’aktarx intużat għall-massakru.

Intant, l-aggressur sigħat ilu, mar fil-post tal-laqgħa reliġjuża fejn beda jispara lejn in-nies minn tieqa tas-sala. Il-vittmi huma kollha Ġermaniżi waqt li fl-isparatura  indarbu wkoll persuni oħra, inklużi xi barranin.

L-isparatura qed tissemma bħala l-agħar reat fl-istorja riċenti ta’ Hamburg, bil-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, jirreferi għall-attakk bħala ‘azzjoni brutali ta’ vjolenza’,waqt li esprima s-solidarjetà u s-simpatija ‘tal-Istat’ mal-qraba tal-vittmi.

U filwaqt li l-iskwadri tal-forensika f’Hamburg qed jiġbru l-materjal li jista’ jgħin l-investigazzjonijiet fuq is-sit tal-attakk, il-komunità tal-Jehovah’s Witness fil-Ġermanja ħarġet stqarrija biex tistqarr ‘in-niket tagħha għal dan l-attakk terribbli fuq il-membri tagħha’.