Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Tattiċi ta’ terrur li jaħbu l-fallimenti militari tal-Kremlin

Il-bumbardamenti tal-qawwiet Russi fuq l-ibliet tal-Ukrajna jistgħu huma sinjal ċar li r-Russja kważi qed taqta’ qalbha li tikseb ir-riżultati deċiżivi fuq il-kampijiet tal-battalja…Dan ukoll meta t-truppi Ukreni għadhom qed jirreżistu għall-attakki bi qlubija kbira, aktar minn sena wara l-invażjoni ta’ pajjiżhom.

Jidher ukoll li l-battalja fit-tul għall-kontroll ta’ Bakhmut qed tqajjem il-problemi ġodda għall-Magna tal-Gwerra tal-President Russu Vladimir Putin…Fil-fatt, kollox jindika li kiber id-diżgwid bejn l-Armata regolari ta’ Moska u l-merċenarji mal-Grupp Wagner, alleati kbar ta’ Putin, fost livell ta’ ostilità akbar fil-konfront ta’ xulxin minkejja li huma ħatfu l-kontroll ta’ xi distretti viċin ħafna ċ-ċentru ta’ Bakhmut.

Filwaqt li l-ġlied għal Bakhmut qed jiddomina l-aħbarijiet, l-osservaturi jaqblu li d-disfatti militari għar-Russi qegħdin iġiegħelu lil Moska biex tuża aktar tattiċi intiżi biex ikissru l-moral tal-poplu Ukren.

Fost dawn it-tattiċi hemm l-isparar kontinwu tal-missili fuq ir-residenzi ċivili fl-Ukrajna u meta r-Russi – permezz tal-bastimenti, ajruplani, sottomarini u ground-launchers – anki qed jisparaw  mewġa wara mewġa ta’ missili u drones bil-ħsieb li jeqirdu l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna. 

Il-Kremlin ta’ Moska, f’dan il-każ, qed jaħseb biex jitfa’ lill-Ukreni ‘f’dinja ta’ dlam u friża’ – dejjem bil-pjan li huma jitilfu r-rieda biex jirreżistu. Fil-fatt, l-awtoritajiet fil-belt Ukrena ta’ Kharkiv qed jgħidu li s-sitwazzjoni tal-enerġija fl-inħawi saret diffiċli ħafna minħabba li s-sistema ġarrbet il-ħsarat sinifikanti taħt il-bumbardamenti tar-Russi.

Madankollu, ir-Russja qed tkompli titlef il-mijiet tas-suldati waqt il-konflitt fl-Ukrajna, bil-qawwiet Ukreni jgħidu li rnexxielhom joqtlu talanqas 900 truppi oħra tal-Kremlin f’perjodu ta’ 24 siegħa. Jidher ukoll li r-Russi qed jitilfu dejjem aktar tagħmir tal-gwerra, inklużi tankijet u sistemi tal-artillerija.

Fl-aħħar sigħat, intant, ħarġu indikazzjonijiet li ħafna truppi tar-Russja qed jirreżistu l-ordnijiet tal-fizzjali biex imorru ‘għal mewta ċerta’ fuq il-fronti tal-gwerra u fejn qed ikunu sfurzati jieħdu sehem f’sensiela ta’ assalti bla sens fuq l-inħawi difiżi mill-Ukreni. Jidher ukoll li ħafna mis-suldati Russi, inklużi eks-ħabsin li qed ikunu sagrifikati għall-gwerra ta’ Putin, tkellmu ċar u tond li qegħdin jispiċċaw massakrati mingħajr ma jingħataw l-appoġġ meħtieġ mill-artillerija u l-ajruplani militari ta’ Moska.

Min-naħa tagħhom, ir-Renju Unit u Franza qegħdin jaħsbu biex jagħtu ‘vantaġġ militari deċiżiv’ lill-Ukreni biex huma jikkonkludu din il-gwerra.

Il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak u l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qed jittamaw li jipprovdu l-appoġġ addizzjonali lill-Ukreni u li kapaċi jinkludu l-armamenti u l-missili għal fuq id-distanzi twal – minbarra t-tankijiet tal-gwerra li diġà qegħdin isaħħu l-kapaċitajiet militari tal-Ukrajna.