Futbol Sport

Il-Ħamruniżi lesti biex jiċċelebraw id-disa’ titlu fl-istorja

(Ritratt: Joseph Galea)

Illum jingħata bidu għat-22 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier

Illum jingħata bidu għat-22 ġurnata tal-Kampjonat BOV Permier bil-partita fis-Centenary Stadium bejn Valletta u Balzan fis-6:30pm. Kif nafu din il-ġimgħa, Ħamrun Spartans jistgħu jkunu ddikjarati champions jekk iġibu minn tal-inqas punt fil-konfront tas-Sibt kontra t-tim li jinsab warajhom Gżira United. Il-programm ta’ din il-ġimgħa, minbarra din il-partita jinkludi erba’ partiti għada, u tnejn oħra l-Ħadd biex imbagħad ikollna waqfa oħra ta’ tliet ġimgħat minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Maċedonja ta’ Fuq u l-Italja.

Ħamrun Spartans vs Gżira United | Għada, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali

Punt biss ‘il bogħod mir-rebħ tad-disa’ titlu fl-istorja tagħhom, Ħamrun Spartans se jkunu qed ifittxu li jagħmlu dan kontra l-eqreb tim tagħhom fil-klassifika Gżira United. Minkejja li bejnithom hemm distakk ta’ 14-il punt, dan id-distakk ma jirriflettix id-differenza bejn dawn iż-żewġ timijiet li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet fil-klassifika. Ħamrun bla dubju huwa l-aktar tim b’saħħtu dan l-istaġun pero l-iskwadra tal-Maroons għandha kwalitajiet b’saħħithom f’kull dipartiment speċjalment fl-attakk. Fil-fatt Gżira huwa l-aktar tim li skorja gowls, 38, filwaqt li Ħamrun huma l-inqas li qalgħu gowls, 9. Fl-aħħar ħarġa tagħhom Ħamrun kisbu rebħa ta’ 2-1 kontra Mosta, liema rebħa kienet it-18-il waħda dan l-istaġun biex issa kisru r-rekord tagħhom stess tal-aktar ammont ta’ rebħ miksub fi staġun wieħed. Branko Nisevic se jkollu nieqes lil Jonny Robert li jinsab sospiż logħba iżda fid-difiża jirritorna Steve Borg li kien sospiż kontra Mosta. Fl-ewwel rawnd l-Ispartans ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Valletta vs Balzan | Illum, fis-18:30 fis-Centenary Stadium

Wara r-rebħa ta’ 2-1 kontra Gżira fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Valletta se jkunu qed jittamaw li jkomplu jibnu fuq din il-prestazzjoni li kellhom biex, għalkemm ftit jistgħu jiċċaqalqu fil-klassifika, imorru għall-waqfa Internazzjonali b’żewġ rebħiet u bil-moral għoli sabiex ikollhom l-aħjar tmiem possibli għal staġun diżappuntanti. Balzan min-naħa l-oħra fuq moħħhom għandhom aktar, hekk kif huma jisabu f’taqtiegħa mill-aktar interessanti għall-post fl-ewropa u saħansitra rebħa u riżultati f’logħbiet oħra jistgħu itellgħuhom sat-tieni post fejn sal-lum hemm Gżira United. Oliver Spiteri se jkun mingħajr Angel Torres u għalhekk wieħed jipprevedi li mill-bidu jsib postu l-Internazzjonali Malti Alex Satariano fl-attakk ta’ Balzan. Fl-ewwel konfront bejn dawn it-tnejn dan l-istaġun, Valletta għelbu lil Balzan 3-1.

Hibernians vs Marsaxlokk | Għada, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Konfront li diġa rajnieħ ftit tal-ġranet ilu fl-F.A. Trophy huwa dak bejn Hibernians u Marsaxlokk, b’dakinhar ikunu x-Xlukkajri li ssorpredew u bi prestazzjoni mill-aqwa għamluha mal-aħħar erba’ fost id-diżappunt tal-Pawlisti. Iżda fil-kampjonat Hibernians se jkunu ġejjin minn tliet rebħiet infila u minkejja dak li ġara bejniethom fit-Trophy, żgur li l-iskwarda mmexija minn Silvio Vella se tibda bħala favorita li tieħu l-punti kollha minn dan il-konfront. Kif nafu Hibernians jinsabu f’pożizzjoni delikata f’dik li hi ġlieda għall-post f’kompetizzjoni ewropea hekk kif rebħa taf ittellgħhom fit-tieni post filwaqt li telf ta’ punti jista saħansitra jniżżilhom sas-sitt post. Fid-difiża se jkollhom nieqes lil Gonzalo Llerena li jisab sospiż bil-possibiltà hi li Joseph Zerafa jkun qed jibda dan il-konfront mill-bidu. Marsaxlokk ukoll jinsabu f’pożizzjoni daqxejn delikata iżda din id-darba fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni, hekk kif huma jinsabu seba’ punti fuq Żebbuġ li jinsabu fil-pożizzjoni play-off. Wara din il-logħba Marsaxlokk jilagħbu kontra Pietà u Sirens u jekk ma jieħdux punti kontra Hibernians żgur li fiż-żewġ logħbiet ta’ wara jkollhom bżonn żewġ rebħiet biex jaċċertaw minn post mal-kbar mingħajr il-ħtieġa ta’ play-off. Huma se jkunu mingħajr il-goalkeeper Marko Drobnjak u l-attakkant Tiago Fonseca li t-tnejn li huma jinsabu sospiżi. F’Ottubru li għadda fil-kampjonat Hibernians salvaw punt kontra Marsaxlokk fi draw ta’ 1-1 b’gowl ta’ Jake Grech fit-88 minuta.

Floriana vs Żebbuġ Rangers | Għada, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium

L-istaġun ta’ Floriana issa bla storja u bħal Valletta l-unika ħaġa li jistgħu jagħmlu issa hu li jispiċċaw dan il-kampjonat fuq nota pożittiva u jirritonaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ seba’ logħbiet mingħajr ma jagħmlu dan. L-aktar li jistgħu jaslu Floriana huwa sas-seba’ post hekk kif bejnhom u bejn Valletta hemm biss żewġ punti. Kontra Żebbuġ mhux se tkun faċli meta dawn tal-aħħar qed jiġġieldu biex iżommu posthom fl-għola diviżjoni fejn issa tliet punti biss qed jifirduhom miż-żona relegazzjoni. Jose Arias u Emiliano Callegari ta’ Floriana jinsabu sospiżi għal dan il-konfront. Il-Greens fl-ewwel rawnd għelbu lil Żebbuġ 1-0 b’gowl minn penalty ta’ Oulid El Hasni.

Mosta vs Birkirkara | Għada, fis-18:00 fl-Istadium Nazzjonali

Logħba interessanti li tista tissejaħ ukoll bħala konfront dirett huwa dak bejn Mosta u Birkirkara fejn minkejja li Mosta ħadu xi ftit skoss fit-taqtiegħa għall-ewropa, huma jinsabu biss tliet punti ‘l bogħod mir-raba’ post u erba’ mit-tielet, okkupat mill-avversarji tagħhom din il-ġimgħa. B’rebħa Mostija l-affarijiet f’din is-sezzjoni tal-klassifika tkompli tikkomplika ruħha fejn Birkirkara jistgħu ukoll isibu ruħhom fil-ħames post jekk ta’ warajhom, Hibernians u Balzan jiksbu rebħiet. Mill-banda l-oħra rebħa għal Birkirkara tista tfisser li dawn jitilgħu fit-tieni post jekk Gżira ma jirbħux kontra Ħamrun Spartans. Nieqes għal din il-logħba Giovanni Tedesco se jkollu lil midfielder internazzjonali Malti Paul Mbong li se jkun qed jiskonta logħba sospensjoni. Il-Mostin ħarġu rebbieħa fl-ewwel rawnd bl-iskor ta’ 2-1.

Sirens vs Santa Lucia | Il-Ħadd, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Sirens kontra Santa Lucia hija logħba oħra li taf tkun waħda interessanti u bilanċjata, b’dawn iż-żewġ timijiet, għalkemm it-tim minn San Pawl il-Baħar jinsab aktar komdu, għad iridu jserrħu rashom li staġun ieħor jilagħbu mal-kbar tal-futbol Malti. Fl-aħħar ġarġa tagħhom Sirens, f’konfront dirett ieħor għelbu lil Żebbuġ f’dik li kienet rebħa importanti u li poġġiethom f’pożizzjoni aħjar f’dik li hi salvazzjoni. Santa Lucia min-naħa tagħhom ukoll kisbu rebħa importani ħafna l-ġimgħa li għaddiet meta minkejja li spiċċaw b’għaxra min-nies fl-aħħar nofs siegħa tal-partita, irnexxielhom jegħlbu lil Pietà Hotspurs 2-1. Is-Saints se jkollhom jilagħbu dan il-konfront mingħajr id-difensur ta’ esperjenza Rodolfo Soares li tkeċċa fl-aħħar logħba. Fl-ewwel rawnd din il-logħba kienet spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.

Pietà Hotspurs vs Gudja United | Il-Ħadd, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Ftit hemm xi tgħid dwar Pietà li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika b’5 punti u li sal-ġimgħa d-dieħla jistgħu ikunu relegati matematikament għaċ-Challenge League. B’sitt telfiet mill-aħħar sitta fil-kampjonat, il-Hotspurs jiltaqgħu kontra Gudja United li huwa wkoll wieħed minn dawk it-timijiet li jinsab ixxamplat fit-tmien post bi 28 punt, 14-il punt ‘il bogħod mill-play-off u għalhekk prattikament salvi. Rodney Bugeja għandu sospiżi lill-midfielders Alan Schembri Wismayer u Terence Agius u għlhekk se tkun aktar diffiċli biex minn din il-logħba jieħdu xi ħaġa. Lura f’Ottubru li għadda Gudja rebħu 1-0 b’gowl ta’ Nicolas Navarrete.