Lokali

Il-Kunsilliera tal-PN jitolbu biex tingħata kwalita’ ta’ ħajja aħjar lir-residenti tas-Siġġiewi

L-Awtorità tal-Ippjanar tat permess sabiex fis-sit li jikkonfina ma’ Triq Nikola Bonello, Triq Dun Anton Vella, Triq Mons. F. X. Mangion u Triq Wied Hesri, fis-Siġġiewi jinbena sabiex ikollu 189 appartament.

Il-Minority Leader tal-Kunsill tas-Siġġiewi Julian Borg flimkien mal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Francine Farrugia u Gillian Farrugia Pace diġà għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet waqt l-istadju tal-applikazzjoni kemm quddiem l-Awtorita’ tal-Ippjanar kif ukoll quddiem l-Awtorità tad-Djar, liema rakkomandazzjonijiet ġew injorati.

S’issa l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ma ngħata ebda informazzjoni, kemm mill-Awtorita tad-Djar jew il-Ministru responsabbli, fir-rigward ta’ studji tekniċi jew soċjali ta’ kif dan l-iżvilupp se jolqot din iż-żona u r-residenti. Apparti dan l-Impact Assessment Report mitlub fid-29 ta’ April 2021 u 27 ta’ Mejju 2021, mill-Kunsill lokali tas-Siġġiewi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, qatt ma wasal għand l-istess Kunsill.

Quddiem dan kollu l-Kunsilliera qed jitlob lil Awtorita’ tal-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex il-proġett jiġi emendat b’tali mod li titnaqqas il-population density minn dak li approvat fil-permess PA/00534/19 u għalhekk tagħti kwalita’ ta’ ħajja aħjar lir-residenti preżenti u dawk li se jibbenefikaw minn dan il-proġett.

Apparti dan il-Kunsillera f’mozzjoni qed jitlobu għal disinn ġdid fejn jagħti apparenza iktar koerenti mal-madwar, jiġu nklużi spazji miftuħa għal pubbliku f’istess sit kif ukoll jiġu introdotti sistemi ta’ enerġija rinnovabbli. 

Il-Kunsilliera Nazzjonalisti qed jisħqu li dan il-proġett għandu jgħin biex titnaqqas u mhux tiżdid il-problema tal-parkegg billi l-garaxxijiet ta’ taħt l-art jiġu mibdula f’parkeġġ pubbliku.