Internazzjonali Knisja

Il-Papa kommess li jibqa’ jmexxi l-Knisja Kattolika

Għal darb’oħra, il-Papa Franġisku insista li mhux se jwarrab mit-tmexxija tal-Knisja Kattolika. Dan sakemm jibqa’ jaħseb b’mod ċar u jkun kapaċi jagħmel valutazzjoni tal-kwistjonijiet li jkollu quddiemu.

Il-Papa Franġisku għamel din id-dikjarazzjoni f’intervista li ta din il-ġimgħa lil stazzjon fl-Iżvizzera fejn stqarr li l-problema li kellu fl-irkoppa issa qed tittaffa.

Il-Papa ilu 10 snin fit-tmexxija tal-Knisja.

Hu kien ġie elett fit-13 ta’ Marzu 2013 u beda uffiċjalment il-ministeru pastorali tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Universali fid-19 ta’ Marzu tal-2013, fil-festa ta’ San Ġużepp.

Is-Sibt 18 ta’ Marzu, l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr f’għeluq l-10 snin mill-elezzjoni tal-Papa Franġisku. Il-quddiesa ser issir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fid-9:30am.