Lokali

Il-PN jikkundanna l-kummenti odjużi ta’ Robert Abela fil-konfront tal-Imħallfin u l-Maġistrati

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-kummenti odjużi tal-Prim Ministru Robert Abela fil-konfront ta’ Maġistrat li qed twettaq l-Inkjesta dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia.

Fi stqarrija, il-kelliem tal-PN Karol Aquilina qal illi l-kummenti tal-Prim Ministru huma irresponsabbli, inġustifikabbli u intiżi biss biex jipprova jevita milli jġorr ir-responsabbiltà politika għall-mewt ta’ żgħażugħ fil-fjur ta’ ħajtu.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Imħallfin u l-Maġistrati li qed ikunu attakkati b’mod sistematiku mill-Prim Ministru għal raġunijiet politiċi partiġġjani.

Minflok jgħaddi kummenti irresponsabbli u inġustifikabbli, il-Prim Ministru messu jiżgura li l-Imħallfin u l-Maġistrati jingħataw ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa biex ikunu f’qagħda aħjar li jaqdu d-doveri tagħhom b’mod effettiv u fi żmien raġjonevoli.

B’mod partikolari fir-rigward tal-Maġistrati, jekk il-Prim Ministru tassew irid li l-Inkjesti jitwettqu fi żmien aktar raġjonevoli, għandu minnufih jaċċetta u jwettaq il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jinħoloq Korp ta’ Maġistrati li jkun iffukat esklussivament fuq l-Inkjesti.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li wħud mill-Maġistrati huma mgħobbija b’aktar minn 160 Inkjesta flimkien mal-bqija tal-kawżi u proċeduri oħrajn li huma diġà assenjati lilhom. Din is-sitwazzjoni qed twassal għal pressjoni kbira fuq il-Maġistrati.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq ukoll li għandu jiżdied in-numru ta’ impjegati mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, inkluż l-impjegati assenjati direttament mal-Imħallfin u l-Maġistrati, biex ikun indirizzat id-dewmien fis-smigħ tal-kawżi.
Barra minhekk, l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għandha ttejjeb il-pagi ta’ dawk li diġà huma impjegati magħha u tibda tattira lejha aktar persuni li huma ppreparati akkademikament u għandhom għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali.