Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-Prinċep Edward hu d-Duka l-ġdid ta’ Edinburgh

Il-Prinċep Edward tal-Ingilterra sar id-Duka l-ġdid ta’ Edinburgh, bl-uffiċjali mal-Palazz ta’ Buckingham jikkonfermaw dan it-titlu kważi sentejn wara l-mewt tal-Prinċep Philip, missier Edward, li kien qeda r-rwol ta’ Duka għal aktar minn 70 sena.

Il-Prinċep Philip, li miet fl-2021, kien ingħata t-titlu ta’ Duka ta’ Edinburgh dakinar stess, fl-1947, li hu kien iżżewweġ lill-Prinċipessa Elizabeth…Il-Prinċipessa li, wara, irrenjat għal għexieren ta’ snin fuq ir-Renju Unit bħala r-Reġina Eliżabetta t-Tieni qabel mewtha, f’Settembru li għadda.

Sadanittant, it-titlu – ikkonfermat ukoll mir-Re Karlu tal-Ingilterra f’għeluq id-59 sena ta’ Edward – se jibqa’ effettiv tul il-ħajja tal-Prinċep. Dan meta d-Duka l-ġdid flimkien ma’ martu, id-Dukessa Sophie, jinsabu fi triqthom lejn Edinburgh, il-kapitali tal-Iskozja, fejn se jattendu avveniment biex ifakkar l-ewwel sena tal-gwerra fl-Ukrajna.