Ilbieraħ bdiet parti importanti ħafna ta’ dan il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker, hekk kif bdiet il-kompetizzjoni ta’ taħt il-21 sena, bir-rebbieħ f’din il-katgorija se jkun nominat mill-European Billiards and Snooker Association biex jirċievi World Snooker Tour Card għal żewġ staġuni, 2023/24 u 2024/25. Dan jgħatih dritt li jipparteċipa bħala plejer professjonali fl-aqwa kompetizzjonijiet fix-xena dinija tas-snooker mal-aqwa stilel tal-mument.
F’din il-kategorija qed jieħdu sehem 96 player u r-rebbieħ jiġi inkurunat nhar il-Ħadd li ġej wara li bejn fażi ta’ gruppi u knock out ikunu ntlagħabu 207 logħbiet. Il-logħob kollu tal-gruppi jintlagħab fuq jumejn u mill-kontigent Malti f’din il-kategorija qed jieħdu sehem Jake Agius, Luke Pace u Xavier Rizzo li fil-gruppi tagħhom għandhom oppożizzjoni ferm qawwija. Jake Agius diġa lagħab u tilef kontra l-Ingliż Ryan Davies filwaqt li Luke Pace tilef kontra lulian Boiko mill-Ukranja. Dawn iż-żewġ plejers huma fost il-favoriti li jistgħu jissiltu għar-rebħ ta’ dan it-titlu l-Ħadd li ġej. Davies f’din il-kateġorija huwa t-tieni l-aqwa plejer fil-rankings tas-Snooker fl-Ingilterra filwaqt li Boiko, li llum għad għandu 17-il sena, fl-istaġuni 2020/21 u 2021/22 diġa kien professjonali fil-World Snooker Tour.
Inċidentalment dawn it-tnejn kienu Iltaqgħu kontra xulxin fil-fażi tal-aħħar 32 waqt il-Kampjonat tal-Junior Open tal-World Snooker Federation li saru f’Malta wkoll fl-2020. Dakinhar Davies kien spiċċa rebbieħ bi frame deċiżiv.
Ilbieraħ ukoll tkompla l-logħob ta’ Taħt it-18-il sena fejn filgħodu ntlagħabu t-tmien logħbiet tal-aħħar sittax u tard filgħaxija sirna nafu min ser ikunu l-erba’ semi-finalisti li wieħed minnhom għada jsir ic-Champion Ewropew f’din il-kategorija. L-aħħar tlett logħbiet ser ikunu nklużi fil-programm tal-lum. L-ewwel semi finali bejn Vladislav Gradinari (Moldova) u Liam Pullen (Ingilterra) tintlagħab fl-10 am. filwaqt li fis-2pm. Artemijs Žižins (Latvja) jiltaqa’ kontra Bulcsú Révész (Ungerija). Il-finali tintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames u ser tibda fit-8pm.
//= $special ?>