Lokali

L-ipokrezija tal-Labour: Biki tal-kukkudrilli għal pajjiżi oħra iżda mhux għall-poplu Malti

Ġimgħatejn minn meta l-Qorti akkużat lill-Gvern Malti li kien involut fi frodi fil-bejgħ tal-isptarijiet ta’ pajjiżna, il-Pulizija għadha la arrestat lil ħadd u wisq anqas ressqet lil ħadd il-Qorti. Minflok, illum, il-Partit Laburista ghazel li jipprova jiddevja l-attenzjoni billi jitkellem fuq ipokrezija u jibku biki tal-kukkudrilli ghall-pajjizi ohra minflok fuq l-gid tal-poplu Malti u Ghawdxi. Dan sar primarjament mill-MEP tal-Labour Alex Agius Saliba li ħareġ stqarrija partiġġjana mimlija attakki.

Fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li min irid ikun jaf x’jiġifieri ipokrezija, jista’ biss iħares lejn il-Partit Laburista u l-MEPs tiegħu, kif jistghu jixhdu l-fatti. Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ipokrita min jinvolvi ruħu fi frodi u qerq biex ibiegħ l-isptarijiet ta’ pajjiżna; min jagħmel ftehim mal-Electrogas u jintrabat bi prezz għal-18-il sena; u min f’Malta jiddefendi lill-Putin u lir-Russja, u fi Brussell jivvota favur l-Ukrajna. L-istqarrija tkompli tghid li ipokrita min hu ħati jew min jiddefendi lil min hu ħati f’każ kriminali ta’ tixrid ta’ pornografija bi tpattija; min ikun fuq ta’ quddiem biex jiddefendi lil Konrad Mizzi; min juża flus il-poplu Malti u Għawdxi biex iħallas uffiċċju u karozza lil min irriżenja minn Prim Ministru u tah postu. Semma ukoll l-ipokrezija ta’ dawk li baqghu jiddefendu lil min qatel lil Daphne Caruana Galizia.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-allegazzjonijiet li pprovat izzeffen l-istqarrija tal-Partit Laburista m’humiex minnhom. L-istqarrija ttemm tghuid li min kiteb l-istqarrija tal-Partit Laburista jew m’għandux idea ta’ x’qed jiġri, jew inkella qed jiprova jinganna lill-poplu Malti u Għawdxi għax l-ipokrita jiprova jinganna.