Lokali

“L-Istat huwa wkoll responsabbli għal din il-mewta”

L-inċident ta’ Kordin seħħ minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-Istat u falliment fuq livell amministrattiv u leġislattiv, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ responsabbiltà mill-persuni involuti fl-iżvilupp ta’ dan is-sit.

Din hija silta minn ittra miftuħa li nkitbet mill-familja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li tilef ħajtu traġikament f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin f’Diċembru li għadda.

F’din l-itta l-familja ta’ Jean Paul qed tibqa’ tagħmel pressjoni sabiex issir inkjesta pubblika ħalli jkunu jafu l-verita kollha. Bil-Prim Ministru qed jirreżisti b’saħħa li din issir – tant li dil-ġimgħa stess ikkonferma li ma jridx li ssir inkjesta pubblika.

Anke l-Ministri tal-Gvern fosthom Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi qed jirrepetu r-retorika tal-Leader Laburista.

Robert Abela, bħala Kap tal-Gvern, hija responsabbilta tiegħu li jaħtar inkjesta tassew indipendenti dwar jekk il-mewt ta’ Jean Paul Sofia setgħetx ġiet evitata li kieku kien hemm azzjoni f’waqtha mill-awtoritajiet u  regolamentazzjoni u leġislazzjoni xierqa. 

L-ittra tal-ġenituri tal-vittma tgħid li l-Prim Ministru qabbel dan il-każ ma’ każ preċedenti li kien seħħ… iżda minkejja li kienet saret inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt ta’ Miriam Pace… u minkejja li kienu ġew imħarrka l-persuni reponsabbli… l-Istat ma tgħallem xejn minn dan l-inċident u ma ħa ebda azzjoni konkreta.

Il-familja tgħid li l-ġustizzja għal dak li għadda minnu Jean Paul Sofia ma tibdiex u tispiċċa fil-prosekuzzjoni u eventwalment kundanna ta’ dawk li allegatament huma responsabbli għal din il-mewta. Ġustizzja sħiħa tfisser li ssir inkjesta pubblika biex tistabbilixxi jekk l-awtoritajiet jew l-Istat naqsux mill-obbligu tagħhom li jissalvagwardjaw is-saħħa tal-ħaddiema u naqsu milli jieħdu miżuri preventivi biex jipproteġuhom u jkun assigurat li ma jseħħux iktar inċidenti ta’ dan it-tip.

Il-familja tgħid li inkjesta Maġisterjali ma tidentifikax li kien hemm falliment mill-Istat… u għalhekk ma tistax tagħhmel rakkomandazzjonijiet sabiex ikun hemm eliminazzjoni ta’ riskju għall-futur.

It-telfa ta’ iben dejjem hija traġedja kbira iżda ċ-ċirkustanzi li miet fihom Jean Paul huma orribbli. Miet taħt it-terrapien tal-post fejn kien jaħdem u t-tfittxija għall-ġisem tiegħu damet għaddejja għal ħmistax-il siegħa sħaħ.

L-ittra ttemm tgħid li l-mewt ta’ Jean Paul u ta’ vittmi oħra f’siti ta’ korruzzjoni juru biċ-ċar li hemm fallimenti sistematiċi. Jisħqu li inkjesta pubblika biss tista’ tagħtihom it-tweġibiet li huwa dritt tagħhom li jkollhom.

Iżda quddiem dan kollu – il-Ministri tal-Kabinett ta’ Robert Abela qed jibqgħu jitfgħu tort fuq il-Qrati.