Mario Farrugia ta’ 52 sena minn Santa Venera u Clint Cauchi ta’ 38 sena mis-Siġġiewi ngħataw tliet snin probation mill-Maġistrat Gabriella Vella wara li nstabu ħatja ta’ diversi serqiet, l-aktar fejn jidħlu karozzi anke jekk ma nstabux ħatja tas-serq kollu li kienu mixlijin bihom fosthom anke għodda minn vann fi Triq il-Wied ta’ l-Imsida, Birkirkara.
L-irġiel għandhom problema kbira ta’ droga bil-Qorti tqis il-fatt ukoll li huma qed jagħmlu minn kollox biex joħorġu minnha. Fil-fatt għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom l-imputati nstabu ħatja iżda ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-progress u l-kambjament li huma għamlu tul il-perkors ta’ dawn il-proċeduri.
L-imputati qalet il-Qorti esperjenzaw problema ta’ abbuż ta’ droga qawwija li naturalment iddettat l-aġir tagħhom
fiż-żminijiet pertinenti għal dawn il-proċeduri. Minkejja dan però tul il-kors ta’ dawn il-proċeudri l-imputati għamlu l-almu kollu tagħhom biex jegħlbu l-problemi tagħhom u jirriabilitaw ruħhom.
Din ħarġet mid-diversi xhieda li xehdu fir-rigward, b’mod partikolari Maria Caruana rappreżentant tal-Caritas, Luke Magri, Therapeutic Facilitator mal-Caritas, u l-Uffiċjal tal-Probation Mary Rose Farrugia, u mir-rapporti ta’ l-Uffiċjal tal-Probation Donnalise Camilleri, irnexxielhom iwettqu u effettivament bi ħsiebhom ikomplu jaħdmu fuqha u jtejbu is-sitwazzjoni u l-ħajja tagħhom
Iż-żewġt irġiel kienu mixlija li f’Awwissu, 2018, serqu żewġ karozzi u mutur fejn ta’ dawn l-akkużi huma ma nstabux ħatja. Akkużi oħra jorbtu ma’ vending machine tal-cards tal-mobile mi Kienu mixlija wkoll li serqu xi għodda minn Birkirkara.
Farrugia kien mixli waħdu li seraq tliet karozzi, li żamm għandu oġġetti misruqa u li sar riċediv. Cauchi kien mixli waħdu li seraq għodda minn Birkirkara, li żamm affarijiet misruqa u li wkoll hu riċediv. Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni xehdet kif fost l-oħrajn ġiet infurmata minn raġel li n-neputi tiegħu lemaħ il-karozza tiegħu pparkjata f’Birkirkara. Meta marru fuq il-post il-Pulizija sabet żewġ persuni reqdin fiha fosthom Clint Cachi ma’ raġel ieħor u fuq wara instabet għodda li kienet irrapportata misruqa.
Fuq rapport ieħor, il-Pulizija waqfet vann li kien qed idur b’mod suspettuż viċin il-Knisja ta’ Sant’Antnin Birkirkara. Fih sabu ħwejjeġ u affarijiet oħra li s-soltu jinbiegħu fuq il-monti li rriżulta kienu misruqa minn vann ieħor. Dwar rapport ieħor, minn filmati tal-cameras dehru żewġt irġiel jduru mal-karozzi b’wieħed minnhom jipprova jiftaħ il-bibien u fid-daqqa u l-ħin marru ħdejn vann li kien għand il-mekkanik għat-tiswija u ftit wara deher jitlaq minn fuq il-post.
Wara li l-Qorti semgħet aktar xhieda b’rabta mas-serqiet mixlija fuqhom, il-Qorti sabithom ħatja ta’ numru ta’ akkużi miġjuba kontrihom. Minbarra li tpoġġew taħt tliet snin probation, huma ġew ordnati wkoll mill-Qorti biex iħallsu l-ispejjeż tal-Qorti. Mario Farrugia jrid iħallas €3,252.77 filwaqt li Clint Cauchi jrid iħallas is-somma ta’ €2,177.00. Il-Prosekuzzjoni tmexxiert mill-Ispetturi Christina Delia u Wayne Camilleri.
//= $special ?>

