Bil-kampjonat tas-Serie A kważi mirbuħ minn Napoli, l-attenzjoni prinċipali hi fuq it-taqtiegħa mill-iktar interessanti għat-tliet postijiet fil-UEFA Champions League tal-istaġun li ġej. It-taqtiegħa hi l-iktar bejn iż-żewġ timijiet minn Milan u t-tnejn tal-kapitali Ruma iżda wieħed ukoll ma jridx jinsa lil Juventus li bħalissa jidher li huma maqtugħa mit-tellieqa, iżda f’każ li dawn ikollhom il-penalizzazzjoni ta’ 15-il punt maħfura, allura Juventus jidħlu bis-saħħa f’din it-tellieqa.
Il-programm ta’ din il-ġimgħa hu mifrux fuq erbat ijiem u jibda llejla bil-konfront bejn Spezia u Inter.
Is-Sibt Napoli jospitaw lil Atalanta, logħba li tista’ tkun perikoluża għal Napoli kontra tim li jista’ wkoll jimmira għal post fl-ewropa. Napoli sofrew telfa xejn mistennija kontra Lazio fl-aħħar logħba tagħhom u se jkollhom l-attenzjoni kollha mixħuta fuq it-tieni leg tal-UEFA Champions League kontra Eintracht Frankfurt, anki jekk għandhom vantaġġ importanti ta’ żewġ gowls wara l-logħba fil-Ġermanja.
Lazio jkunu mpenjati barra minn darhom kontra Bologna, logħba li t-tim ta’ Sarri ma jistax ifalli. Lazio kellhom diżappunt kbir fil-Conference League meta tilfu fl-Olimpico kontra l-Olandiżi AZ Alkmaar.
Il-Ħadd Roma u Juventus ikunu f’darhom kontra Sassuolo u Sampdoria rispettivament, u t-tnejn li huma m’għandhomx ifallu milli jiksbu t-tliet punti.It-tnejn ukoll kellhom impenn pożittiv fl-Europa League, fejn Roma għelbu 2-0 lil Real Sociedad, filwaqt li Juventus se jieħdu vantaġġ minimu fit-tieni leg fil-Ġermanja kontra Freiburg.
Jagħlqu l-programm nhar it-Tnejn filgħaxija ċ-champions Milan li wara l-kwalifikazzjoni kontra Tottenham jippruvaw jirritornaw għar-rebħ fil-kampjonat f’San Siro kontra Salernitana.
Illejla:
Spezia v Inter
Is-Sibt:
Empoli v Udinese
Napoli v Atalanta
Bologna v Lazio
Il-Ħadd:
Lecce v Torino
Cremonese v Fiorentina
Verona v Monza
Roma v Sassuolo
Juventus v Sampdoria
It-Tnejn:
Milan v Salernitana
//= $special ?>