Mikaela Shiffrin kisbet is-86 rebħa fil-karriera tagħha biex b’hekk laħqet ir-rekord tal-leġġendrju Ingemar Stenmark meta rebħet il-Giant Slalom. Mhux hekk biss iżda għada Shiffrin tista’ wkoll tikser dan ir-rekord jekk illum tirbaħ il-kompetizzjoni Slalom fejn hi mingħajr dubju fost il-favoriti li tagħmel dan.
Wara r-rebħa, l-istess Mikaela Shiffrin kellha komunikazzjoni ma’ Stenmark li kien id-dominatur assolut fis-snin 70 u 80 fejn kiseb dawn is-86 rebħa. Shiffrin aċċertat mir-rebħa wara l-ewwel parti li saret filgħod fejn kellha vantaġġ ta’ iktar minn sekonda fuq it-Taljana Federica Brignone.
Minkejja l-attentat iddisprat ta’ Brignone fit-tieni parti ta’ wara nofsinhar biex tirkupra dan id-distakk hi kkommettiet xi żbalji. Brignone xorta waħda rnexxielha tnaqqas id-distakk hekk kif Shiffrin qagħdet iktar attenta li ma tagħmilx żbalji determinanti milli tipprova ttejjeb il-ħin tagħha.
Shiffrin spiċċat biex rebħet b’distakk ta’ 0.64 ta’ sekonda fuq Brignone li kellha tikkuntenta bit-tieni post.Issa l-attenzjoni kollha ddur fuq is-Slalom tal-lum, Slalom li mistenni li jerġa’ jara lil Shiffrin tkun fost il-protagonisti fejn l-Amerikana tittama li verament tidħol fl-istorja bħal l-iskier li tirbaħ l-iktar ammont ta’ kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja f’karriera mill-iktar brillanti.
//= $special ?>