Anzjan ta’ 71 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara incident tat-traffiku li seħħ Marsaskala.
Dan il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.30 ta’ dalgħodu, fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Marsaskala.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Aygo misjuqa minn raġel ta’ 71 sena residenti Marsaskala u BMW misjuqa minn raġel ta’ 20 sena residenti Marsaskala wkoll.
Hu maħsub li l-anzjan kien wasal biswit ir-residenza tiegħu u kien qed idaħħal il-karozza fil-garaxx, meta ż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-vettura BMW u baqa’ dieħel fil-karozza tal-anzjan.
Vettura oħra, Mazda Demio li kienet ipparkjata, intlaqtet ukoll mill-BMW iżda fortunatament, fil-ħin tal-inċident ma kien hemm ħadd fiha.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu. Ambulanza ħadet ir-raġel ta’ 71 sena l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Is-sewwieq l-ieħor ma weġġax.
Bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
Għal dawn l-aħħar snin, diversi residenti u persuni li jagħmlu użu minn din it-triq kemm-il darba appellaw lill-Gvern biex isir xi ħaġa għas-sigurtà f’din it-triq. Dan hekk kif dan ma kienx l-ewwel inċident tat-tip tiegħu f’din l-istess triq.
Madanakollu, l-appelli tan-nies dejjem waqgħu fuq widnejn torox tant li baqa’ xejn ma seħħ. Biex issa, din l-istess triq ħalliet vittma jissielet għal ħajtu.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>