Futbol Sport

Ħamrun Spartans champions tal-futbol Malti għad-disa’ darba fl-istorja

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S………..1

GŻIRA U…………….0

Ħamrun S: H. Bonello, B. Ederson, S. Borg, M. Guillaumier, E. Mashike, R. Prsa (J. Mbong 73’), K. Holmberg (L. Montebello 66’), O. Bjelicic, J. Corbalan, E. Marcelina, R. Camenzuli

Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, N. Muscat, Z. Scerri, M. Dias, L. Ribeiro, L. Riascos, T. Kolega, M. Cosic, J. De Assis (M. Maia 73’)

Imwissija: L. Riascos 33’

Skorjaw: L. Montebello 81’ (Ħ)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u James Muscat

BOV Plejer tal-logħba: Emerson Marcelina

Il-Mument plejer tal-logħba: Emerson Marcelina

Ħamrun Spartans aċċertaw mid-disa’ kampjonat fl-istorja tal-klabb, meta fl-Istadium Nazzjonali għelbu lit-tim ta’ warajhom Gżira United 1-0 b’gowl fil-81 minuta ta’ Luke Montebello. Dan kien it-tieni kampjonat mirbuħ minn Ħamrun fi tliet snin  u t-tieni wieħed tal-era Joseph Portelli.

L-ewwel xutt lejn il-lasti wasal fit-18-il minuta minn Ħamrun Spartans meta Elvis Mashike rċieva ballun fil-kaxxa u minn qagħda angolata prova l-konklużjoni, bil-goalkeeper Gżirjan Zarkov idawwar f’korner.

Wara din l-azzjoni ma rajna prattikament xejn miż-żewġ timijiet biex b’hekk l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess bl-ewwel azzjoni denja ta’ nota tasal minn Gżira fis-56 minuta meta kien Jefferson De Assis li daħal fil-kaxxa avversarja iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien milqugħ mingħajr problemi minn Bonello.

Fit-72 minuta Elvis jirċievi ballun fit-tul u wara li rnexxielu jidħol fil-kaxxa prova xutt bix-xellug li kien devjat f’korner.

Gżira fallew ċans tad-deheb fis-77 minuta meta l-ewwel tentattiv tas-sostitut Maxuell Maia kien milqugħ minn Bonello bil-ballun jerġa jiġi għand l-attakkant Brażiljan li b’lasta vojta tefa’ barra.

Ħamrun Spartans skorjaw il-gowl li aċċerthom mid-disa’ kampjonat fl-istorja tal-klabb fil-81 minuta meta kien Elvis Mashike li għal darb’ oħra daħal fil-kaxxa u qassam fin-nofs fejn sab lis-sostitut Luke Montebello li bil-faċilità kollha tefa’ fix-xibka fost il-ferħ tal-partitarji li ppakjaw l-enclosure ta’ Ħamrun.

L-iskor baqa’ ma nbidilx u Ħamrun ħarġu rebbieħa biex b’hekk matematikament saru champions tal-istaġun 2022/23 bi 17-il punt vantaġġ fuq l-istess Gżira United meta fadal erba’ logħbiet.