Lokali

“Il-Gvern qed ikaxkxar saqajh biex jinvesti fil-ġudikatura” – Imħallef Francesco Depasquale

“Tal-mistħija. Il-Gvern qiegħed ikaxkar saqajh fejn għandu x’jaqsam investiment fil-ġudikatura.”

Sostna dan l-Imħallef Francesco Depasquale hekk kif kritika b’mod sever lill-Gvern wara li sa issa qiegħed jonqos milli jipprovdi r-riżorsi neċessarji sabiex il-ġudikatura taħdem b’mod effettiv u twassal għall-ġustizzja fi żmien raġonevoli.

Dan saħqu waqt li kien qiegħed iwassal sentenza wara dewmien deskritt minnu bħala tal-mistħija f’każ partikulari fejn kumpanija Taljana li falliet kellha tagħti €100,000 lil kumpanija Maltija.

Il-Qorti sabet li l-kumpanija Maltija sofriet ksur tad- drittijiet taghha wara li damet xejn anqas minn 5 snin sabiex jinstema l-appell.

Il-Qorti saħqet li dan id-dewmien ma kienx għal kollox tort tal-Qorti nfisha iżda minħabba l-fatt li l-Gvern għadu qiegħed ikaxkar saqajh biex jinvesti b’mod sħiħ fil-ġudikatura.

Ġie spjegat li filwaqt li fl-aħħar snin il-każi fil-Qorti żdiedu drastikament, din iż-żieda qatt ma kienet riflessa f’investiment adegwat. U filwaqt li ċ-ċittadini qed jistennew servizz serju..hekk ukoll il-Qrati qed jistennew investiment mill-Gvern sabiex jipprovdi l-għodod u r-riżorsi neċessarji.

L-Imħallef Francesco Depasquale sostna li sal-lum in-numru ta’ Maġistrati u Imħallfin huma ħafna inqas minn kull stat membru Ewropew…bin-numru ta’ impjegati dejjem jonqsu minflok jiżdiedu – dan minħabba l-fatt fost oħrajn il-pagi huma baxxi.

Huwa kompla jinsisti li filwaqt li l-Qrati huma l-lok fejn issir ġustizzja…huma severament ikkundizzjonati minn nuqqas ta’ investiment li l-Gvern biss jista’ joffri.

Bl-Imħallef Depasquale sostna li huwa ugwalment tal-mistħija li ċertu avukati jieħdu vantaġġ minn dan in-nuqqas ta’ investiment sabiex jiffavorixxu lill-klijenti tagħhom.

Dan kollu fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar ġimgħat il-Prim Ministru Robert Abela kontinwament attakka lill-ġudikatura fost oħrajn lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia b’rabta mal-inkjesta Maġisterjali tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Sal-lum, Robert Abela għadu qed jinsisti li ma jridx jiftaħ inkjesta pubblika indipendenti b’rabta ma’ dan il-każ minkejja l-appelli tal-esperti, il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-qraba tal-istess żagħżugħ.