Futbol Sport

”Il-pressjoni se tkun fuq Ħamrun li akkost ta’ kollox il-partitarji tagħhom se jitilgħu biex jiċċelebraw il-kampjonat” – Darren Abdilla

(Ritratt: MFA)

B’ħames partiti mit-tmiem tal-Kampjonat Premier, kollox hu f’idejn Ħamrun Spartans biex jaċċertaw b’mod matematiku mir-rebħ tal-Kampjonat għad-disa’ darba fl-istorja tal-klabb. Bit-telfa ta’ Gżira United kontra Valletta, id-distakk bejn l-ewwel u t-tieni post issa kiber għal 14-il punt għaldaqstant lejliet id-dwell dirett bejn Ħamrun u Gżira, l-iskwadra ta’ Branko Nisevic hija prattikament champions tal-istaġun.

Branko Nisevic: ”Il-verita hi li issa kollox f’idejna u jekk nitkellmu dwar pressjoni, tim bħal Ħamrun Spartans dejjem ikun hemm pressjoni fuqu minn kulħadd, iżda rridu niffokaw fuq il-logħba u ma nħallux dawn l-affarijiet itellfulna l-konċentrazzjoni”

Għal Gżira t-telfa fl-aħħar logħba tagħhom tal-Kampjonat, kontra Valletta bl-iskor ta’ 2-1, waslet f’mument fejn il-maroons kienu qed juru pożittivitá fil-logħob tagħhom u kienu llhom tmien partiti konsekuttivi mingħajr telfa fil-Kampjonat. Bit-telfa li l-plejers immexxija mill-kowċ Darren Abdilla ġarbu, Gżira prattikament ramew kważi kull tama ta’ rebħ ta’ Kampjonat u issa daħlu f’kobba imħawda għal min se jispiċċa mal-ewwel tliet postijiet fil-klassifika finali tal-Kampjonat Premier.

Darren Abdilla: ” Fil-futbol jgħodd dak biss li jiġri fil-ground, inutli toqgħod tgħid dawk għandhom tim aħjar mill-oħrajn jew għandhom plejers ahħjar mill-oħrajn, dan ma jgħamilx differenza. Jagħmel differenza biss x’tgħamel fil-ground, u għalina dan huwa importanti ħafna. Il-fatt li konna ilna żmien twil fit-tieni post u ma nitilfux ma jfisser xejn għax din mhux sprint imma maratona u issa fadal ħames logħbiet u 15-il punt”

Gżira hu t-tim li skorja l-aktar dan l-istaġun, bil-koppja Jefferson u Maxuel Maia skorjaw 27 gowl bejnithom, minn total ta’ 38 gowl li l-iskwadra skorjat s’issa tul il-Kampjonat.

Kowċ Nisevic, eks kowċ fil-passat ta’ Gżira ukoll, hu avżat mis-saħħa tal-avversarji.

Branko Nisevic: ” Gżira għandhom tim tajjeb u b’saħħtu u grupp ta’ plejers tajbin ħafna. Forsi l-uniku żvantaġġ li għandhom hu li m’għandomx skwadra twila iżda għandhom madwar 13 jew 14-il plejer li huma ta’ livell għoli ħafna u mhux b’kunbinazzjoni li jinsabu fejn jinsabu”

Gżira huma deċiżi li jttawlu l-istennija għall-konferma matematika tal-partitarji ta’ Ħamrun biex jirbħu l-Kampjonat Premier, anke għaliex Gżira rridu jkunu attenti biżżejjed li ma jipperikolawx il-pożizzjoni tagħhom fil-klassifika u post fl-Ewropa l-istaġun li ġej.

Darren Abdilla: ” Kull logħba kontra Ħamrun hija diffiċli u fil-bidu tal-kampjonat, wara l-investiment kollu li sar fil-Ħamrun, jien kont ngħid li minn jiġi t-tieni dan l-istaġun se jkun qisu ħa l-league. Aħna se nilagħbu kważi kważi mingħajr pressjoni u naħseb li l-pressjoni se tkun fuqhom li akkost ta’ kollox se jitilgħu il-partitarji biex jiċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat u lilna dik tista’ timmotivana biex nagħmlu li nistgħu biex din ma tiġrix”

Ħamrun Spartans kontra Gżira United, id-dwell mistenni ta’ għada, li b’punt ikun biżżejjed sabiex Ħamrun jaċċertaw mir-rebħ tad-disa’ titlu tagħhom fl-istorja tal-futbol lokali. Għada s-Sibt, fis-2pm, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali.