Lokali

Ir-residenti ta’ San Ġwann jappellaw sabiex ma jinqerdux aktar siġar

Numru ta’ familji minn San Ġwann li tkellmu ma’ Net News, esprimew it-tħassib tagħhom għax-xogħlijiet infrastrutturali li qiegħdin isiru fi Ġnien George Zarb, f’San Ġwann, li jinsab bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell

Dan għaliex għalkemm ir-residenti saħqu li m’humiex kontra dan il-proġett … huma ma jaqblux mal-fatt li matul il-proċess ser jinqerdu siġar enormi tal-Ficus – siġar li ilhom imħawwlin għal għexieren ta’ snin.

Fid-dawl ta’ dan fl-aħħar jiem, id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini staqsa lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Owen Bonnici għal liema raġuni ser jinqalgħu dawn iż-żewġ siġar, bit-tweġiba tal-Ministru tkun l-iskuża tal-iżvilupp meħtieġ minħabba li dawn jikkawżaw ħsarat fl-infrastruttura.

Kif jixhdu dawn il-filmati, dawn is-siġar indiġeni li l-Ministru rreffera għalihom fit-tweġiba tiegħu, mhux tali ilhom hemm snin twal u qatt ma kkaġunaw ħsarat infrasttruturali, tali permezz tagħhom, il-ġnien qed jagħtuħ aktar ħajja u kulur.

Ġie spjegat li fl-aħħar manifest elettorali il-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela wiegħed b’ħafna pompi li joħloq pulmun ambjentali u spazji aktar miftuħa, iżda umbagħad, mal-ewwel ċans li sab qiegħed jqaċċat u jeqred is-siġar.

Għalkemm Owen Bonnici ġab din l-iskuża li ma niżlet tajjeb xejn mar-residenti tal-lokal, il-Ministru ma ta l-ebda spjegazzjoni ta x’inhuma l-ħsarat infrastrutturali li qed issir min dawn is-sigar, u għal liema proprjetà qed tiġi kkaġunata..aktar minn hekk ma spjegax biex se jkunu qed jiġu sostitwiti biex ikompli jsebbaħ il-ġnien.