Lokali

“It-traġedja ta’ Sofia titlob Inkjesta Pubblika” – L-Editorjal tat-ToM

Il-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Partit Nazzjonalista.
U issa anke l-editorjal tat-Times of Malta.

Kollha jappellaw lill-Gvern għall-istess ħaġa – hemm bżonn li ssir Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja li seħħet f’Kordin meta bini li kien fi stat ta’ kostruzzjoni ħasad il-ħajja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Il-fatt li l-Gvern qed jirrifjuta li ssir Inkjesta Pubblika,  qed ikun ikkunsidrat minn ħafna bħala azzjoni li tmur kontra ir-rule of law.

Madanakollu, Robert Abela għadu sal-lum jirrifjuta li ssir din l-investigazzjoni separata hekk kif qed jaraha bħala pass li – skont il-Prim Ministru – tfixkel minflok tgħin biex toħroġ il-verità.

L-editorjal tat-Times qabbel dan il-pass ta’ Robert Abela mal-azzjonijiet ta’ Joseph Muscat meta dan kien irrifjuta li ssir Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-istess Editorjal staqsa jekk Robert Abela hux qed jirrifjuta li ssir din l-Inkjesta Pubblika għal raġunijiet personali… u dan wara l-laqgħa li omm Jean Paul Sofia kellha miegħu, fejn ħasset li Abela għandu idejh marbutin u hemm xi ħaġa li qed iżżommu milli jsejjaħ  din l-Inkjesta.

Il-ġurnal fakkar li Inkjesta Pubblika se tkun qed twassal biex pajjiżna jipprevjeni li jara iktar imwiet ta’ dan it-tip. Dan hekk kif wieħed għadu ma jistax jifhem eżatt x’ġara, b’riżultat li m’għandux rikomandazzjonijiet fue xiex jimxi biex jelimina r-riskji f’siti ta’ kostruzzjoni.

“Żgur mhux forsi li l-prevenzjoni ta’ mwiet futuri hi xi ħaġa li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jimmira li jikseb għall-ġid ta’ pajjiżna,” temm jgħid l-Editorjal.