Sport Sport Ieħor

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Bulcsú Révész isir Champion Ewropew wara finali mill-isbaħ

Iż-żgħażugħ Ungeriż Bulcsú Révész sar ic-Champion Ewropew ta’ Taħt it-18-il sena wara li l-Ġimgħa filgħaxija rebaħ il-finali ta’ din il-kategorija kontra l-Ingliż Liam Pullen, bil-frame deċiżiv għal punteġġ finali ta’ 4-3.

Din il-finali svolgiet f’waħda mill-aktar bilanċjata u wara l-ewwel erba’ frames il-punteġġ kien dak ta’ 2-2, pero’ Pullen rebaħ il-ħames frame reġa ħa l-vantagg. Fis-sitt frame Révész wera t-talent tiegħu u rebħu bi clearance break ta’ 78 punt. Fis-seba’ u l-aħħar frame Révész mar fuq quddiem mill-bidu nett u minkejja li għamel foul fejn laqat is-sewda, il-vantaġġ li bena ta’ minn 30 punt kienu biżżejjed biex rebħu dan it-titlu
presitġjuż.

Ta’ min issemmi li l-Ungeriż Révész ikkwalifika għal din il-finali wara li kemm fil-kwarti finali kif ukoll fis-semi finali rebaħ is-seba’ u l-aħħar frame deċiżiv kontra ż-żewġ plejers tal-Latvja Filips Kalniņš u Artemijs Žižins rispettivament.

Iż-żewġ finalisti tal-bieraħ Révész u Pullen, illum jerggħu jilagħbu kontra avversarji differenti mal-aħħar 32 fil-kategorija ta’ Taħt il-21 sena.

Wara l-finali l-Viċi-President tal-European Billiards and Snooker Association, Ricardo Salgado u l-President tal-Malta Billiards and Snooker Association, Ivan Brincat għamlu l-preżentazzjonijiet lir-rebbieħa. Bħala l-aqwa break kien il-plejer tal-Latvja Andrejs Pripjoks li kiseb break eċċezzjonali ta’ 141, li barra li huwa l-aqwa f’din il-kategorija s’issa huwa
l-aqwa ta’ dan il-kampjonat.

Il-programm ta’ logħob li jmiss fis-sitt jum ta’ dan il-kampjonat ser ikun kollu mill-kompettizjoni ta’ Taħt il-21 sena fejn wara li tard ilbieraħ saru magħrufa l-aħħar 32 fl-ewwel sessjoni tal-lum jintlagħbu s-16 -il logħba ta’ din il-fażi. Aktar tard wara nofs in-nhar ikollna l-konfronti tal-aħħar sittax u anke’ l-kwarti finali. Illum il-ogħob huwa programmat li jitlesta kmieni peress li filgħaxija ssir iċ-ċeremonja tal-ftuħ. Din isservi bħala okkazzjoni li tlaqqa ħafna mill-177 plejer li matul il-jum tal-Ħadd jibdew l-impenji tagħhom fil-katergorija tal-irġiel. Bla dubju dan huwa l-qofol ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew li ser jara rappreżentanza minn 40 pajjiż differenti fosthom Malta.

Dawn il-pajjiżi huma kollha membri tal-European Billiards and Snooker Association li b’kollox għandha fi ħdanha 49 pajjiż.