Lokali

Kritika lejn l-iżviluppi li qed jeqirdu lil pajjiżna – żvilupp ġdid f’Kemmuna

Xahar wara xahar u l-Gvern bħallikieku qatt ma jitgħallem. Naraw proposti ta’ proġetti, b’uħud saħansitra jiġu żviluppati, li qed jagħmlu tant ħsara lill-art Maltija.

Rajna lil Malta tinbela’ kollha mill-bini. Rajna anke lil Għawdex li iktar ma jmur iktar qed iżid fil-bini. U issa anke Kemmuna qed tissemma’ bħala l-gżira li se tintmess.

Fid-dawl ta’ dan, is-Sindku Laburista tal-Qala’, Paul Buttigieg kkritika lill-Gvern li jirrapreżenta, tad-deċiżjonijiet ħżiena li kontinwament qed jieħu. Huwa staqsa x’se jibqalu l-poplu Malti u Għawdxi hekk kif pajjiżna kollu qed jiġi rrovinat biex dawk tal-qalba jħaxxnu bwiethom.

“Il-poplu Malti u Għawdxi x’se jibqalu?” staqsa Buttigieg. “Fottejna lil Malta. Fottejna lil Għawdex. Issa se nduru għal Kemmuna? Hekk ħaqqu l-poplu? Kemmuna kienet magħrufa għax tmur għall-kwiet. Dan il-proġett se jgawdi l-poplu Malti jew biex igawdu dawk li se jħaxxnu bwiethom?”

Buttigieg saħaq kif il-familji Maltin u Għawdxin qed jilmentaw dwar l-iżviluppi massiċċi li qed jeqirdu lil pajjiżna, iżda dawn l-ilmenti waqgħu fuq widnejn torox. Bil-Gvern Laburista kompletament jinjora l-poplu li tah il-fiduċja.

“Il-Gvern għaliex ma jridx jidħol biex jgħina nsalvaw il-Ħondoq? Aħna ġejna biex niddefendu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu milli jibqa’ jiġi stuprat. Il-karba tagħna biex il-poplu jiġi mismugħ. U mhux l-iżviluppaturi bi skapitu taż-żgħir.”

Id-diskors iebes li kellu s-Sindku Laburista seħħ matul konferenza tal-aħbarijiet li saret minn diversi għaqdiet fid-dawl ta’ proposta għal proġett meqjus bħala villaġġ fil-bajja ta’ Santa Marija, f’Kemmuna.

L-għaqdiet qalu kif il-proġett juri l-iżvilupp ta’ lukanda u bangalows li se jkunu qed jilqgħu mat-300 resident u ħaddiem ta’ kuljum… b’riżultat li l-gżira se titlef il-kwiet li hi magħrufa għaliha u tinsteraq mill-istat naturali tagħha.

Proġett li se jkun qed joħloq ħafna problemi lill-gżira, kif tispjegalna iktar membru ta’ Moviment Graffitti, Marie Claire Gatt.

Intant, il-kumpanija li qed tipproponi dan l-iżvilupp, HV Hospitality ħarġet stqarrija tgħid li dan huwa proġett ta’ żvilupp li jiffoka fuq il-bini mill-ġdid tal-lukanda u l-bungalows li ilhom
jeżistu fuq Kemmuna sa mis-snin sittin u li bħalissa jinsabu fi stat ta’ telqa u abbandun.

Il-kumpanija qalet li dan l-iżvilupp se jkun qed iġib iktar turiżmu sostenibbli tal-għola kwalità lejn pajjiżna wara li dan il-proġett ġie studjat b’reqqa’ tant li għadda minn proċess ta’ skrutinju.