Lokali

Maratona Missio – “Għinuna ngħinu nsalvaw il-ħajjiet”

MISSIO Malta, li tifforma parti minn organizzazzjoni Kattolika li tinsab f’aktar minn 160 pajjiż, organizzat maratona ġbir ta’ fondi bil-għan li tgħin lill-foqra permezz ta’ finanzjament ta’ proġetti differenti. Bit-tema HOPE – MISSIO FEST,  tkellimna ma’ Robert Farrugia Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Missio Malta fejn saħaq dwar l-importanza ta’ kull għotja li tingħata.

Huwa saħaq li permezz ta’ kull għotja li qed tingħata mill-familji Maltin u Għawdxin qiegħdin mhux biss jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum iżda wkoll isalvaw il-ħajjiet.

Tkellimna wkoll ma Nancy Camilleri, membru attiv fil-Missio fejn saħqet li mill-ftit li l-familji Maltin u Għawdxin jagħtu minn qalbhom ikunu qed jgħinu lil ħafna familji fil-bżonn lil’hinn minn xtutna.

It-tema tal-maratona ta’ din is-sena kienet IL-MISSIO INT, fejn grazzi għall għajnuna ta’ kull familja Maltija u Għawdxija se jkunu qed igawdu dawn it-tfal li l-ħajja offritilhom sfidi xejn sbieħ.

Matul il-maratona ġbir ta’ fondi li xxandret fuq it-televiżjoni lokali kien hemm preżenti fost oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ ibnu Neil hekk kif fl-aħħar xhur saħansitra Neil kien ingħaqad mal-Missio fejn marru jgħinu lil dawn in-nies li x-xorti ma tbismitilhomx.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech faħħar il-ħidma ta’ kull voluntier li jiddedika ħajtu sabiex jgħin lil ħaddieħor filwaqt li rringrazzja wkoll lil familji Maltin u Għawdxin tal-qalb tajba li juru f’mumenti bħal dawn.