Bournemouth pattew għat-telfa kbira (9-0) li sofrew ma’ Liverpool fil-bidu tal-kampjonat u fejn, din id-darba, għelbu lir-Reds ta’ Jurgen Klopp b’gowl uniku skurjat fl-ewwel taqsima minn Philip Billing. Din ir-rebħa, intant, kapaċi tkun ferm utli għaċ-Cherries ladarba jsiru l-kontijiet fl-aħħar tal-istaġun u meta xejn anqas minn seba’ tims qed jissieltu biex iżommu posthom mal-kbar.
Liverpool daħlu għal din il-logħba b’kunfidenza kbira wara r-rebħa emfatika fuq Manchester United iżda sabu quddiemhom avversarji sodi u determinati għat-tliet punti biex jinqalgħu mill-qigħ tal-Premier League – u bħalma fil-fatt ġara.
Għakemm Liverpool bdew il-logħba fuq l-attakk kienu Bournemouth li bdew juru l-aktar logħob veloċi u inċiżiv, tant li, fit-28 minuta, Philip Billing sab ruħu żmarkat fuq xogħol tajjebn ta’ Outtara biex għeleb lil Alisson b’xutt fil-baxx għall-gowl deċiżiv.
Fit-tieni taqsima, Liverpool rebħu penalty meta Adam Smith mess il-ballun b’idu fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Diogo Jota iżda Mo Salah – li hu l-aqwa skorer ta’ Liverpool (fil-Premier League) għal kull żmien – spara għoli mill-ħdax-il metru fost il-ferħ tas-sapporters taċ-Cherries.
B’din ir-rebħa, Bournemouth telgħu fis-17-il post tal-klassifika, b’Liverpool ifallu milli jitilgħu mat-‘Top Four’ u meta huma jinsabu bi żvantaġġ ( b’logħba anqas) ta’ sitt punti ma’ Tottenham Hotspur.
Fil-fatt, Tottenham – li jiem ilu spiċċaw eliminati miċ-Champions League – kisbu rebħa faċli, 3-1, fuq Nottingham Forest f’The New White Hart Lane biex b’hekk ikkonsolidaw posthom fir-raba’ post tal-klassifika.
L-attakkant veteran Ingliż, Harry Kane, kien l-eroj f’din ir-rebħa b’żewġ gowls skurjati fid-19 u l-35 minuta (minn penalty wara l-fawl ta’ Worall fuq Richarlison) – bil-Korean, Son Heung-min (62) jagħmilhom tlieta wara assist minn Richarlison.
Fil-81 minuta, Forest naqqsu d-distakk minn Worrall u fil-ħin miżjud huma tilfu penalty mogħti minn Andre Ayew – bil-gowlkiper Forster jinnewtralizza x-xutt fjakk tal-plejer minn Ghana.
Everton ukoll inqalgħu mill-aħħar postijiet tal-klassifika wara rebħa ferm importanti, 1-0, fuq Brentford f’Goodison Park.
Il-gowl kruċjali wasal wara biss 35 sekonda meta l-ewwel attakk ta’ Everton irriżulta fix-xutt qawwi ta’ Dwight McNeil – bil-gowlkiper tal-Bees, Raya, jispiċċa megħlub għal kollox.
Everton komplew jagħfsu, b’Demarai Gray ikollu ‘gowl’ imħassar bil-VAR u bit-Toffees jiddefendu r-riżultat minimu sal-aħħar. Brentford, intant, tilfu ċansijiet tajbin minn Pinnock – li kellu daqqa ta’ ras maqlugħa minn fuq il-linja — u b’Kevin Schade ifalli minn quddiem Pickford u bil-konsegwenza li ntemmet is-sensiela ta’ 12-il logħba mingħajr telfa għall-Bees.
Leeds United jinsabu f’inkwiet serju fiz-zona l-ħamra tal-klassifika wara li fallew żewġ punti oħra fi dro ta’ 2-2, ma’ Brighton f’Elland Road.
Kienu s-Seagulls li kisbu l-vantaġġ minn MacAllister (33), b’Patrick Bamford jikseb parità ħames minuti mill-mistrieħ. Fil-61 minuta, Brighton mill-ġdid marru minn fuq wara l-awtogol ta’ Harrison, iżda l-istess plejer patta għall-iżball meta għamilhom 2-2, għaxar minuti mit-tmiem, biż-żewġ tims jikkuntentaw b’punt kull wieħed.
Chelsea kisbu t-tielet rebħa f’ġimgħa ( fil-kampjonat u ċ-Champions League) għall-ispejjeż ta’ Leicester City u meta it-tim ta’ Graham Potter qed juri titjib wara bidu tas-sena diżastruża anki jekk għadu jokkupa l-għaxar post fil-klassifika.
L-ewwel gowl ta’ Chelsea wasal mid-difensur Ben Chilwell wara biss 11-il minuta, b’Patson Daka (40) jagħmilhom 1-1 ftit qabel il-mistrieħ u b’Kai Havertz jikseb il-vantaġġ mill-ġdid għall-Blues fis-sitt minuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima.
L-attakkant ta’ Chelsea Joao Felix laqat il-laqta – l-istess bħal Dewsbury-Hall għal Leicester – bit-tim ta’ Londra, imbagħad, ikollu ‘gowl’ ta’ Muydryk imħassar għal offside. Intant, l-aħħar kelma kienet ta’ Kovacic li għalaq kull diskors bit-tielet gowl għal Chelsea u b’Leicester jispiċċaw il-logħba b’għaxar plejers wara t-tkeċċija ta’ Wout Faes li ntwera t-tieni karta safra fis-87 minuta.
//= $special ?>