Bħalissa qed tittella’ wirja fotografika mill-isbaħ ta’ Fine Art Street Photography bit-tema ‘Order in Chaos’ – esebizzjoni li tinkludi 14-il ritratt meħuda mill-fotoġurnalista, Martin Agius.
Ir-ritratti jvarjaw minn ritratti li jfakruk f’Malta tal-imgħoddi bi stil chiaroscuro, għal ritratti artistiċi oħrajn tal-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta u taċ-Ċitadella, fost oħrajn.
B’kapaċità kbira, il-fotografu irnexxilu wkoll jaqbad persuni ‘anonimi’, f’mumenti partikolari li fihom jispikkaw ir-raġġi tad-dawl u d-dellijiet li jagħtu xeħta kurjuża u misterjuża.
Il-fotografu Martin Agius illum stabbilixxa ruħu bħala fotoġurnalist u street photographer mill-aqwa li għandna f’pajjiżna, fejn tul l-aħħar snin rebaħ bosta unuri prestiġjużi f’ġeneri differenti tal-fotografija kemm f’Malta, u kif ukoll barra minn xtutna.
F’din l-eżebizzjoni wieħed jistà jinnota kif l-artist lokali rnexxilu juri l-passjoni kollha tiegħu għal dan il-ġeneru ta’ fotografija, bl-użu preċiż tad-dwal u d-dellijiet, filwaqt li spikka wkoll l-ispirtu tal-post.
Il-ħila tiegħu fis-settur tal-istreet photography żviluppaha u pperfezzjonaha tul dawn l-aħħar snin.
Il-wirja ‘Order in Chaos’ ġiet inawgurata fit-3 ta’ Marzu fil-Lukanda Phoenicia, il-Furjana u se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Wieħed jistà jżur dawn ir-ritratti u aktar, permezz tal-website www.martinagius.com.
//= $special ?>