Internazzjonali Temp

Twissijiet minħabba l-borra u s-silġ fir-Renju Unit

Dawn l-aħħar jiem il-maltempata Larisa laqtet partijiet mir-Renju Unit.  Sheffield fl-Ingilterra, esperjenza l-aktar jum ta’ borra f’Marzu f’aktar minn erba’ deċennji.  Il-Ġimgħa filgħodu kien registrat 30cm ta’ borra li kiser ir-rekord preċedenti ta’ 27cm f’Marzu tal-1979.

It-temperaturi fiż-żoni rurali tar-Renju Unit kienu mistennija li jinżlu sa -10C fis-sigħat bikrin tas-Sibt, b’aktar borra mistennija matul is-Sibt u l-Ħadd.

Dawn huma xeni li n-nies f’Sheffield raw hekk kif qamu l-Ġimgħa filgħodu.  Ritratti li jidhru qishom xi ħaġa li tara fuq kartolina tal-Milied.

Kelliema tal-linja tal-ferrovija Network Rail Scotland qalu li qed jippreparaw għal aktar borra fl-iSkozja fi tmiem din il-ġimgħa.  Twissija safra għall-borra u silġ bħalissa qiegħda fis-seħħ fl-Iskozja, bi twissijiet tas-silġ għall-Irlanda ta’ Fuq, partijiet interni ta’ Wales, u l-Lvant u t-Tramuntana tal-Ingilterra.

Anke’ l-filming tas-soap opera Emmerdale kellu jiġi kkanċellat minħabba l-borra.

Xita qawwija flimkien ma’ tidwib ta’ borra l-Ħadd jistgħu iwasslu għal għargħar u restrizzjonijiet ta’ veloċita fuq in-network tal-ferroviji. Il-borra qawwija matul il-lejl ħalliet mijiet maqbuda fuq l-awtostrada għal sigħat sħaħ, filwaqt li s-sewwieqa huma mwissija biex ma jivjaġġawx.