Lokali

10 SNIN TAL-LABOUR: Muscat jgħid li kien naive; Sant imħasseb fuq il-korruzzjoni

Skont l-MEP Laburista Alfred Sant, it-tkabbir ekonomiku li kellna fl-aħħar 10 snin wassal biex fil-pajjiż tiżdied il-korruzzjoni u jiżdiedu wkoll il-problemi relatati ma’ governanza tajba.

Alfred Sant stqarr dan f’kummenti lit-Times, f’analiżi li saret f’għeluq l-10 anniversarju tal-Gvern Laburista.

Apparti ż-żieda fil-korruzzjoni, Sant jirreferi wkoll għall-isfidi kbar relatati mal-ambjent – settur illi ġie minsi mil-Labour. Bl-MEP Laburista jgħid li n-nuqqas ta’ attenzjoni fil-mod kif il-Gvern iħares l-ambjent qed tifrustra lin-nies.

It-Times tkellmet ukoll mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, mal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat – illi kien ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh eżatt 10 snin ilu.

Coleiro Preca tħares lura lejn l-aħħar 10 snin bħala perijodu li fih il-Labour ħadem ħafna fejn jidħol childcare b’xejn u l-libertajiet ċivili. Iżda titkellem ukoll dwar iż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema barranin, u ż-żieda f’każi ta’ vjolenza u kriminalita.

Fi kliemha, il-President Emeritu tgħid li l-pajjiż tilef ħafna minħabba ir-regħba tal-ftit. U hawn, irreferiet għall-bini eżaġerat u n-nuqqas ta’ spazji ħodor.

Bħal Sant, anke Coleiro Preca issemmi l-korruzzjoni u l-istejjer varji marbuta ma’ ħasil ta’ flus. U tinsisti li f’dawn il-każi, hemm bżonn naraw li ssir ġustizzja.

Mal-istess gazzetta, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi ifakkarna kif f’dawn l-aħħar snin indifnu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ; li qed jitilqu minn pajjiżna. Filwaqt illi rrefera għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Lawrence Gonzi jgħid li bħala pajjiż insejna l-valuri vera u ħadna daqqa kbira fir-reputazzjoni tagħna.

Intant, mat-Times Joseph Muscat ħares lura lejn dawn l-aħħar 10 snin u ftaħar bil-mod kif mexxa. Dan filwaqt illi sostna li xi kultant kien naive li afda ċertu persuni – mingħajr ma semma’ ismijiet.