Lokali

“Artiklu biex ipoġġi lill-MUMN f’dawl ikrah” – MUMN

Huwa ċar li l-kunfidenzjalità li l-Gvern u l-union kienu marbuta li jżommu matul il-perjodu tan-negozjati ta’ kwalunkwe ftehim settorjali.. inkisret mil-Gvern stess meta dan ħareġ dettalji tal-proposti tal-MUMN lill-Malta Today.

Il-Ħamis li għadda l-MUMN ħassret konferenza tal-aħbarijiet li matulha kienet se tħabbar azzjonijiet industrijali. Dan għaliex il-Union stess qalet li kienet waslet fi ftehim mal-Gvern. Bil-MaltaToday ippubblikat dak li intqal f’din il-laqgħa… liema proposti mill-MUMN suppost li kienu kunfidenzjali.

Fi stqarrija l-MUMN qalet li waqt il-laqgħa li saret fl-10 ta’ Marzu, il-Gvern ippreżenta l-allowances il-ġodda lill-infermiera u l-qwiebel… 40 miljun għall-4400 infermiera u qwiebel. Pero dan il-fond xorta se jwassal biex dawn il-ħaddiema jitħallsu mhux biss inqas mill-infermiera fir-Renju Unit u l-Irlanda, iżda inqas mill-Professjonisti tas-Saħħa l-oħra f’Malta.

Filfatt l-MUMN talbet mill-inqas 30 miljun ewro oħra sabiex iktar żgħażagħ ikunu mħajra jidħlu għal din il-professjoni. Dwar din it-talba, il-Gvern għad irid jagħti risposta f’laqgħa skedata li ssir fl-20 ta’ Marzu.

Fi stqarrija bħala risposta għall-aritklu li kien ippubblikat mill-MaltaToday, l-MUMN qalet li l-artiklu kien ippubblikat bl-intenzjoni li jpoġġi lill-Union f’dawl ikrah mal-pubbliku inġenerali. Dan għaliex mhux minnu li l-proposti li resqet l-MUMN se jiġu jisewew lill-Gvern 130 miljun ewro.

L-MUMN tisħaq li jekk il-Gvern verament irid jindirizza l-probema ta’ nuqqas ta’ infermiera u qwiebel, għandu jżid is-salarji u jtejjeb il-kundizzjonijet tax-xogħol tagħhom.

Il-Union qalet li ma tista qatt taċċetta li flus għal Steward kien hemm kemm trid, iżda fejn jidħlu l-infermiera u l-qwiebel… il-Gvern dejjem iżomm idejh iebsa. Bl-MUMN tappella lill-Gvern biex iġib it-350 mijun ewro li serqu Steward lura… flus li jistgħu jintuza sabiex vermanet ikun hemm titjib fis-settur tas-saħħa.

L-istqarrija ttemm tgħid li t-tattiċi użati kontra l-MUMN mill-Gvern huma tattiċi li qatt ma ntużaw ma’ unions oħra.