Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Massakru ta’ suldati u ċivili f’Bakhmut

Is-sorsi infurmati tal-Ukrajna u r-Russja qablu li din kienet l-aktar tmiem il-ġimgħa qattiela fiż-żmien kollu li ilha għaddejja l-battalja għall-kontroll ta’ Bakhmut li tinsab fl-artijiet Ukreni tal-lvant…Battalja li ilha mis-sajf li għadda u  fejn is-suldati Ukreni qed jirreżistu għall-avvanzi tal-Armata Russa fuq diversi fronti — bil-Kremlin ta’ Moska jittama li jista’ iħabbar dalwaqt rebħa rari wara xhur ta’ disfatti militari.

Ir-rapporti qalu li nqatlu l-mijiet tat-truppi fuq kull naħa waqt il-battalja li damet għal 24 siegħa u meta l-ġlied għaddej kontinwament fiz-zona ta’ xmara li taqsam minn din il-belt u li nbidlet fi front tal-gwerra ewlenija.

Dan ukoll meta l-qawwiet Russi qed jippersistu bl-attakki fuq il-pożizzjonijiet tal-Ukreni, bis-sitwazzjoni tkun imfissra bħala waħda ‘fluwida’.

Min-naħa tagħhom, is-sorsi Ukreni qalu li f’din il-battalja nqatlu madwar 300 suldat Russu bejn nhar is-Sibt u llum, bl-Armata ta’ Moska anki ġġarrab il-mijiet tal-midruba. Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża f’Moska qal li mietu ‘il fuq minn 200 suldat Ukren waqt offensiva tal-Armata Russa f’settur partikulari fir-reġjun tad-Donbas.

Madankollu, il-qawwiet Russi xorta ma rnexxielhomx jieħdu kontroll taċ-ċentru ta’ Bakhmut u meta l-agħar ġlied ‘wiċċ-imb-wiċċ’ mal-Ukreni, fl-aħħar sigħat, ikkonċentra l-aktar mal-periferiji tal-belt. Fl-istess ħin, l-osservaturi qablu li s-sitwazzjoni tista’ tinbidel minn minuta għall-oħra, anki jekk l-Ukreni fl-inħawi qed jesprimu d-determinazzjoni li jirreżistu sal-aħħar suldat.

Fl-aħħar sigħat ukoll ħarġu rapporti li t-toroq ta’ Bakhmut qed jimtlew b’ numru sinifikanti ta’ katavri ta’ ċivili aktar ma jiħrax il-ġlied. Dan meta l-qawwiet Ukreni kienu qed isibha diffiċli ħafna biex jirkupraw il-katavri minħabba l-intensità tal-battalja fl-inħawi.

Ir-residenti li fadal f’Bakhmut huma kostretti li jibqgħu f’darhom minħabba l-periklu tas-snipers u l-bumbardamenti – u meta d-djar li qed jipprovdulhom kenn huma dejjem esposti għall-balal tar-Russi.

Is-sitwazzjoni għaċ-ċivili – kostretti li jgħixu fil-kantini tad-djar — saret dejjem aktar kaotika fost l-isparar ma jaqta’ xejn tal-artillerija Russa li qed iħalli riżultati devastanti. Fost ir-residenti li spiċċaw f’din is-sitwazzjoni ddisprata hemm kwantità ta’ nisa, anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali.