Internazzjonali

Iżrael: ‘Le għall-bidliet lill-ġudikatura’…Protesti storiċi fit-toroq

L-aħħar sigħat f’Iżrael kienu karatterizzati bl-aktar protesti intensivi fl-istorja moderna tal-pajjiż u fejn mijiet ta’ eluf ta’ nies ħadu sehem fid-dimostrazzjonijiet kontra l-pjani tal-Gvern biex jimplimenta r-riformi kontroversjali għall-ġudikatura….

Il-pjani inkwistjoni mhuma jinżlu xejn tajjeb mal-poplu li qed jikkritika lill-Gvern dwar strateġija intiża biex tnaqqas mis-saħħa u l-influwenza tal-qrati. Ir-rabja sadanittant, qed tkun espressa dejjem aktar fil-pubbliku, bl-aħħar protesti fit-toroq ikunu l-akbar li qatt saru f’Iżrael.

Bejn nhar is-Sibt u llum, talanqas nofs miljun dimostrant ħarġu jipprotestaw f’numru ta’ bliet fosthom il-kapitali ‘Tel Aviv. Fil-fatt, il-protesti ilhom għaddejjin għal għaxar ġimgħat konsekuttivi – b’200,000 ruħ joħorġu biex isemmgħu leħinhom fil-kapitali f’perjodu ta’ 24 siegħa (bejn nhar is-Sibt u llum) u bid-dimostrazzjonijiet kbar ikomplu matul il-lejl li għadda.

Il-folol qed jixlu lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu b’li qed jaħdem lejn forma ta’ dittatorjat permezz tar-riformi u l-bidliet li għandhom ixekklu l-funzjoni tal-ġudikatura. Iżda waqt li sezzjonijiet kbar tal-poplu qed jesiġu li l-pjani tal-Gvern imorru kontra kull kunċett demokratiku, Netanyahu qed jinsisti li l-bidliet għandhom ‘irażżnu l-poteri tal-qrati’ minbarra li jirristawraw forma ta’ bilanċ bejn il-fergħat tal-Amministrazzjoni.

L-analisti, fl-istess ħin, qed jirreferu għal kriżi ‘b’riperkussjonijiet kbar għall-pajjiż’,  fost l-insistenza li r-riformi li jrid Netanyahu se jwasslu biex il-Gvern ikollu influwenza diretta ‘u perikoluża’ fuq l-imħallfin. F’din is-sitwazzjoni il-Qorti Suprema ta’ Iżrael anki jista’ ikollha l-kapaċitajiet limitati biex tiddeċiedi każ kontra l-Gvern jew biex tirreżisti għal-liġijiet kontroversjali.