Sport Sport Ieħor

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Ċeremonja simbolika tinawgura l-ikbar Kampjonat ta-Snooker

Is-Sibt, fi tmiem is-sitt ġurnata waqt dan il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker saret ċeremonja simbolika li ddikjarat l-aktar parti importanti ta’ dawn il-logħob bħala miftuħa fejn is-Sibt li ġej inkunu nafu min ser ikun ic-Champion Ewropew. Fid-diskors tiegħu il-President tal-European Billiards and Snooker Association, Maxime Cassis, ikkonferma li dan qed ikun l-akbar kampjonat tas-snooker li qatt ġie organizzat tant li wera l-ħsieb li sena d-dieħla jalloka aktar ġranet biex isiru dawn il-kompetizzjonijiet. Huwa faħħar l-organizzazzjoni u l-impenn tal-Malta Billiards and Snooker Association taħt it-tmexxija ta’ Ivan Brincat u jinsab fiduċjuż li dan ser ikun suċċess.

Il-kampjonat ġie miftuħ uffiċċjalment mis-CEO ta’ SportMalta, Mark Cutajar, li fakkar li Malta għandha rabta b’saħħitha ma dan l-isport u bis-saħħa tas-suċċessi internazzjonali li kisbu fil-passat players bħal Pawlu Mifsud,Ġużi Grech u aktar riċenti Tony Drago u Alex Borg dan l-isport kiber ferm f’pajjiżna.

Matul dan il-Kampjonat Ewropew pajjizna f’dawn il-ħmistax ta’ snooker jkun laqa’ fostna mijiet ta’ nies bejn partċipanti, delegati, referees flimkien ma familjari u ħbieb tal-players li ġew minn 40 pajjiż differenti.

Il-Ħadd tibda l-aktar parti impenjattiva tal-kampjonat fejn 16-il plejer Malti ser inkunu qed jieħdu sehem fil-katgorija tal-irġiel. Mil-Ħadd sa’ nhar l-Erbġħa għandu jsir il-logħob kollhu tal-gruppi li fih ser jikkompetu 177 player li minnhom 96 jikkwalifikaw għal fażi tan-Knock Out.

Il-kompetizzjoni tas-Sibt kienet iffukata kompletament fuq il-Kampjonat ta’ Taħt il-21 sena fejn wara 28 logħba minn tlett fażijiet tan-Knock Out ikkwalifikaw l-aħħar erbġħa semi finalisti li l-Ħadd jissiltu għal min ser isir ic-Champion Ewropew f’din il-kategorija u forsi aktar importanti li ismu jkun nominat mill-E.B.S.A. biex jirċievi World Snooker Tour Card għal żewġ istaġuni, 2023/24 u 2024/25.

Din il-finali tintlagħab fis-6 p.m. u tkun fuq l-aħjar minn disa’ frames. Aktar kmieni s-semi finali ser ikunu kkontestati minn Iulian Boiko (Ukranja) kontra Robbie McGuigan (Irlanda ta’ Fuq) u Ryan Davies (Ingilterra) kontra Liam Graham (Skozja), dawn jibdew fl-10 a.m. u fis-2 p.m. rispettivament.