Waqt li kien qed jindirizza l-attività politika tal-Ħadd filgħodu, Bernard Grech appella lill-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex nhar il-Ħamis jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista quddiem il-bini tal-Parlament bħala appoġġ għall-mozzjoni li se tkun qed tressaq l-Oppożizzjoni.
Il-Ħamis filgħaxija l-Oppożizzjoni se tkun qed tuża s-Seduta Parlamentari allokata lilha sabiex tiddiskuti mozzjoni imressqa mill-PN dwar id-deal skandaluż tal-isptarijiet; seduta li fiha mhux biss se ssir diskussjoni, imma fit-tmiem tagħha se jkun ukoll qed jittieħed vot.
Il-mozzjoni kienet iffirmata mill-Kap tal-PN Bernard Grech u mid-Deputat Adrian Delia illi rebaħ il-kawża li kien fetaħ hu stess kontra l-Gvern biex il-poplu Malti u Għawdxi jieħu lura t-tliet sptarijiet.
Il-Gvern qal li se jipparteċipa f’din id-diskussjoni Parlamentari, għalkemm sa issa għadu ma kienx hemm dikjarazzjoni ċara jew xi forma ta’ azzjoni illi tindika li l-Gvern se jibda jiċċaqlaq biex iġib lura l-flus li intremew fl-aħħar 8 snin.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech qal li flimkien irridu nibqgħu nsibu kuraġġ fejn il-poplu għandu dmir isemma’ leħnu u l-politiċi għandhom id-dritt li jisimgħu minn dak li qed jgħid il-poplu.
“Nhar il-Ħamis li ġej se nsejħilkom biex tkunu qegħdin quddiem il-Parlament flimkien magħna ħalli ngħidu lil Robert Abela biex jivvota mal-Oppożizzjoni mingħajr ma jbiddel xejn mill-mozzjoni. Għax int jixraqlek aħjar!”
//= $special ?>