Internazzjonali

Oscars 2023: Stennija għar-riżultati fost taqbida partikularment interessanti bejn l-atturi

Il-95 serata annwali tal-Oscars — jew il-premjazzjoni tal-Academy Awards lil min l-aktar iddistingwa ruħu fil-qasam taċ-ċinema – se ssir matul il-lejl (sbieħ it-Tnejn) fid-Dolby Theatre ta’ Los Angeles, fl-Istati Uniti.

Il-preżentatur tas-serata se jkun il-komiku Jimmy Kimmel, bit-tellieqa għall-unuri titqies fost l-aktar imprevedibbli għal dawn l-aħħar snin minħabba li ma hemm l-ebda favoriti ċari fil-kategoriji riservati għall-aħjar atturi — u meta l-protagonisti ta’ din is-sena huma Austin Butler, Brendan Fraser, Cate Blanchett u Michelle Yeoh.

Il-produzzjoni ‘Everything Everywhere All At Once’ li jirrakknota l-istorja ta’ immigrant Ċiniż li jispiċċa f’avventura kumplikata u surreali, qed tidher favorita għall-Oscar li jingħata lill-Aqwa Film. Madankollu, ħadd ma jista’ jeskludi trijonf potenzjali għal produzzjonijiet xejn anqas validi  bħal All Quiet on The Western Front, li jitratta l-Ewwel Gwerra Dinjija u The Banshees of Inisherin, fost oħrajn.