Arsenal, il-liders tal-Premier League, reġgħu fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq it-tieni tim, Manchester City, wara rebħa kbira (3-0) fi Craven Cottage għall-ispejjeż ta’ Fulham.
Il-Gunners kienu jafu minn qabel bl-importanza ta’ din il-logħba wara li s-Citizens kienu naqqsu d-distakk għal żewġ punti biss bir-rebħa fuq Crystal Palace matul il-lejl tas-Sibt. Intant, it-tim ta’ Mikel Arteta irnexxielu jagħlaq kull diskors sal-mistrieħ bi tliet gowls li għamluha impossibbli għal Fulham biex iwettqu reazzjoni effettiva.
Arsenal fetaħu l-logħba fuq l-attakk, b’Gabriel Martinelli ikollu gowl imħassar għal offside qabel id-difensur, Gabriel, sab ix-xibka bir-ras (21) fuq il-korner ta’ Leandro Trossard.
L-istess Trossard, imbagħad, ipprovda assist perfett lil Martinelli biex ukoll isib ix-xibka bir-ras (26) għat-2-0 u bil-plejer Belġjan – li ngħaqad ma’ Arsenal ftit ġimgħat ilu mingħand Brighton – ikun involut ukoll fit-tielet gowl għall-Gunners meta sab lil Martin Odegaard li kkonkluda mill-viċin, fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima.
Wara l-mistrieħ, Fulham ippruvaw joħorġu mill-qoxra difensiva, bil-gowlkiper ta’ Arsenal, Ramsdale, isalva fuq Bobby De Cordova-Reid, u b’Tosin Adarabioyo jolqot il-lasta wara azzjoni personali.
Madankollu, Arsenal dejjem kienu kmandi tas-sitwazzjoni u fl-aħħar ħinijiet daħal jilgħab l-attakkant Gabriel Jesus fl-ewwel dehra tiegħu għall-Gunners fil-Premier League mindu weġġa’ fil-logħba tal-Brażil mal-Kamerun fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
//= $special ?>