Manchester United ma setgħux jiksbu aktar minn dro diżappuntanti, 0-0, ma’ Southampton meta huma kellhom jilgħabu talanqas siegħa b’raġel anqas wara d-deċiżjoni ħarxa tar-referi, Anthony Taylor, biex ikeċċi lill-midfielder Brażiljan Casemiro.
Dan wara li Casemiro kien rebaħ il-ballun waqt intervent fuq Carlos Alcaraz u bil-plejer tas-Saints jispiċċa mal-art minħabba l-ispinta wara l-moviment tal-Brażiljan. Intant, Taylor spiċċa jikkonsulta lill-VAR qabel iddeċieda biex jibdel il-karta safra oriġinali li kien wera lil Casemiro f’waħda ħamra – u bil-logħba tispiċċa immedjtament għat-telgħa għar-Red Devils.
Madankollu, is-Saints – li għadhom l-aħħar fil-Premier League – ma setgħux jisfruttaw il-vantaġġ numeriku anki jekk kienu perikolużi diversi drabi, speċjalment mill-freekicks insidjużi ta’ James Ward-Prowse li laqat il-mimduda b’wieħed minnhom.
Qabel it-tkeċċija ta’ Casemiro, is-Saints kienu wkoll viċin li jiftħu l-iskor minn Theo Walcott waqt li Marcus Rashford – li din id-darba ddiżappunta għal United — ma kontrollax ballun faċli minn quddiem il-gowlkiper, Gavin Bazunu.
Fit-tieni taqsima, Southampton kienu mill-ġdid perikolużi, bil-gowlkiper ta’ United, de Gea, isalva mill-ġdid fuq Walcott, b’ Aaron Wan-Bissaka jiċħad lis-Saints minn gowl ċert meta klerja l-ballun minn fuq il-linja fuq it-tentattiv ta’ Kyle Walker-Peters.
Ftit wara kien imiss lil Bruno Fernandes li jolqot sieq il-lasta, wara s-save parzjali ta’ Bazunu u bis-Saints imisshom l-istess destin mix-xutt bomba ta’ Walker-Peters..
Għalkemm dan id-dro jikkonsolida xorta l-pożizzjoni ta’ Man Utd fit-tielet post tal-klassifika, l-aħbar ħażina għalihom hi li Casemiro – li kien pedina daqstant importanti matul l-istaġun – irid jiskonta sospensjoni ta’ erba’ logħbiet li jinkludu l-kwarti-finali tal-FA Cup ma’ Fulham.
Fil-fatt, it-tkeċċija tal-Brażiljan kienet it-tieni waħda għalih f’dan l-istaġun wara li hu, fi Frar kien intwera l-ħamra wkoll fir-rebħa ta’ United fuq Crystal Palace.
Riżultat li ma jissodisfax lil West Ham
West Ham United għadhom f’inkwiet serju wara li kellhom jikkuntentaw b’punt wieħed biss mill-konfront ma’ Aston Villa fil-London Stadium.
Kull punt għal West Ham għandu jiswa mitqlu deheb f’din il-fażi deċiżiva tal-istaġun u meta l-Hammers, bħalissa, jinsabu r-raba’ mill-aħħar, bl-istess punteġġ bħal Leicester City u Bournemouth, iżda b’differenza ta’ gowls aħjar miċ-Cherries, li fi tmiem il-ġimgħa kisbu rebħa sorpriża u meritata fuq Liverpool.
Il-Villains marru fil-vantaġġ mill-prolifikuOllie Watkins (17) li sab ix-xibka bir-ras fuq il-kross preċiż tad-difensur Alex Moreno u għas-sitt gowl personali f’seba’ logħbiet.
West Ham wieġbu għaxar minuti wara meta r-referi ordna penalty għall-fawl ta’ Leon Bailey fuq Lucas Paqueta u b’Said Benrahma jegħleb lill-gowlkiper Martinez mill-ħdax-il metru għall-1-1 — bl-iskor ma jinbidilx.
Newcastle jirritornaw għar-rebħ
Newcastle United irritornaw għar-rebħ b’rebħa minima kontra Wolves wara li sofrew telfa fl-aħħar partita tagħhom kontra Manchester City.
Alexander Isak fetaħ l-iskor fis-26 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras b’saħħita minn freekick preċiż tad-difensur laterali Kieran Trippier.
Wolves kisbu d-draw fid-69 minuta meta Hwang Hee-Chan sab ix-xibka minn żball ta’ l-istess Kieran Trippier.
Newcastle marru fil-vantaġġ għat-tieni darba fil-partita għaxar minuti wara. Miguel Almiron huwa l-awtur tal-gowl tar-rebħa meta gġeleb lil Jose Sa minn pass ta’ Willock.
//= $special ?>