Roma v Sassuolo 3-4
Riżultat sorprendenti f’partita missielta hekk kif Sassuolo ħarġu rebbieħa barra minn darhom kontra Roma bl-iskor impressjonanti ta’ 3-4.
Il Neroverdi marru fil-vantaġġ kmieni hekk kif Armand Lauriente sab ix-xibka wara 13-il minuta logħob wara kontrattakk veloċi ta’ Berardi u pass finali ta’ Pinamonti.
It-tieni gowl għal Lauriente u t-tieni gowl għal Sassuolo wasal biss ħames minuti wara, din id-darba Armand Lauriente irnexxielu jsib ix-xibka wara li l-ewwel konkużjoni ta’ Berardi ġiet salvata minn Patricio u waqat f’saqajn l-attakkant Franċiż li ma ħaferx u xeħet ġewwa.
L-ewwel taqsima kompliet tipproduċi l-gowls hekk kif Roma skurjaw l-ewwel gowl tagħhom fis-26 minuta permezz ta’ Nicola Zalewski li għeleb lil Consigli minn kross ta’ Spinazzola.
L-isfortuna għal Roma kompliet tikber fl-ewwel taqsima hekk kif ftit sekondi qabel tmien l-ewwel taqsima r-referee Michael Fabbri saffar għal penalty wara foul ikrah fil-kaxxa kommess minn Kumbulla fuq Berardi li saħansitra waslet anka għat tkeċċija tad-difensur ċentrali.
Domenico Berardi kien inkarigat mill-penalty u rnexxielu jsib ix-xibka bla ebda diffiukulta.
B’hekk it-tim mill-kapitali daħal għal ħin tal-mistrieħ b’ żvantaġġ ta’ żewġ gowls u b’10 plejers.
Sinjal ta’ tama fil-50 minuta għal Roma hekk kif Paulo Dybala rnexxielu jsib ix-xibka sabiex inaqqas id-distakk tal-iskor b’xutt kalm fil-baxx minn naħa tax-xellug.
Madankollu Sassuolo rnexxielhom jiskurjaw għal darb’oħra fil-75 minuta, b’din id-darba Andrea Pinamonti jniżżel ismu mal-iskorers.
Roma rnexxielhom jiksurjaw gowl fil-94 minuta, iżda l-gowl ta’ Georgino Wijnaldum kien biss ta’ konsolazzjoni għal Giallorossi.
Lecce v Torino 0-2
Fl-ewwel partita tal-ġurnata Torino għelbu lil Lecce barra minn darhom b’żewġ gowls li waslu ftit minuti l’bogħod minn xulxin fl-ewwel taqsima.
Torino fetħu l-iskor wara 20 minuta logħob permezz ta’ konklużjoni preċiża ta’ Wilfred Singo minn freekick ta’ Miranchuk.
Żewġ minuti wara Torino rduppjaw l-iskor b’din id-darba Antonio Sanabria jniżżel ismu mal-iskorers b’xutt kalm fir-rokna t’isfel tal-lemin minn kross ta’ Radonjic.
Cremonese v Fiorentina 0-2
Fi Stadio Giovanni Zini Fiorentina kisbu tlett punti faċli kontra Cremonese bl-iskor ta’ 0-2.
Rolando Mandragora fetaħ l-iskor fis-27 minuta meta għeleb lil Carnesecchi b’xutt angolat minn kross insidjuż ta’ Ikone.
Fiorentina stennew sal-50 minuta sabiex jiksurjaw it-tieni gowl, b’din id-darba Arthur Cabral isib ix-xibka minn pass tal-iskorer l-ieħor tal-partita Mandragora.
Hellas Verona v Monza 1-1
Fi Stadio Marcantonio Bentegodi draw ta’ 1-1 li ma jikkuntenta lil ħadd bejn Hellas Verona u Monza.
Simone Verdi skurja l-ewwel gowl tal-partita fil-51 minuta meta sab ix-xibka minn kross mil-lemin ta’ Faraoni.
Monza ma damux sabiex jiksbu d-draw hekk kif fil-55 minuta Stefano Sensi għeleb lil Montipo minn kross fil-baxx tad-difensur laterali Carlos Augusto.
Juventus v Sampdoria 4-2
Juventus kellhom partita mhux faċli xejn kontra Sampdoria hekk kif sa tmiem l-ewwel taqsima kienu jinsabu f’parità, madankollu żewġ gowls fit-tieni taqsima ssiġilaw ir-rebħa ta’ 4-2 għal Bianconeri.
Juventus ma damux ma sabu x-xibka hekk kif Glesion Bremer xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras minn korner ta’ Kostic.
Juventus irduppjaw fis-26 minuta permezz tal-midfielder Franċiż Adrien Rabiot li l-istess bħal Bremer xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras, din id-darba minn kross ta’ Miretti.
Żewġ gowls f’temp ta’ ftit sekondi għal Sampdoria minn Tommaso Augello u Filip Duricic ftit wara n-nofsija logħob għamlu l-iskor 2-2.
Iż-żewġ timijiet daħlu għal ħin tal-mistrieħ f’parita, bit-tim ta’ Stankovic jidher iktar kunfidenti minn Juventus fejn ħasdu l-avversarji tagħhom b’żewġ gowls f’temp ta’ ftit sekondi.
Minkejja l-pressjoni minn Sampdoria, Juventus reġgħu marru fil-vantaġġ fil-64 minuta, b’Adrien Rabiot jiskurja t-tieni gowl personali tiegħu.
Fil-94 minuta Juventus issiġillaw ir-rebħa permezz ta’ gowl minn Matias Soule, li skurja l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb.
Riżultati u Logħob:
Illum:
Lecce 0-2 Torino
Cremonese 0-2 Fiorentina
H.Verona 1-1 Monza
Roma 3-4 Sassuolo
Juventus 4-2 Sampdoria
Għada
Milan v Salernitana 8:45pm