Riżultat mill-aqwa għal Gianluca Chetcuti li rnexxielu jikkwalifika għall-Fażi Finali fit-Tazza tad-DInja tal-ISSF f’Doha l-Qatar.
Din kienet l-ewwel darba li atleta Malti f’avveniment Trap irnexxielu jikseb dan f’Tazza tad-Dinja tal-ISSF.
Chetcuti kkwalifika bl-iskor ta’ 122/125 plattina +4 shoot-off. B’dan ir-riżultat ta’ kwalifikazzjoni, ingħata Bib numru 3, madankollu ġie eliminat wara t-tieni serje ta’ Ranking Match 1 bl-iskor ta’ 20/25.
Fl-aħħar, l-atleta Malti spiċċa l-ħames minn 118 mill-aqwa tiraturi minn madwar id-dinja.
Dan ir-riżultat issa poġġa lil Chetcuti f’post tajjeb biex jikseb post ta’ kwota billi jikklassifika għal-Logħob Ewropew 2023 li se jsir fi Krakovja l-Polonja f’Ġunju u Lulju ta’ din is-sena.
Team Malta pparteċipa b’6 atleti, 4 minnhom fi Trap tal-Irġiel u żewġ atleti fl-avveniment Trap tan-Nisa.
Ir-riżultati tal-atleti l-oħra Maltin minbarra dak ta’ Gianluca kienu:
William Chetcuti temm il-kompetizzjoni tiegħu bl-iskor ta’ 118/125, James Galea Jr. laqat 114/125 u Brian Galea li kkompeta għar-Ranking Points Only (RPO) irnexxielu jolqot 105/125.
Fi Trap tan-Nisa, Mikaela Galea laqtet 104/125 target u Mariah Busuttil irnexxielha 93/125 fl-ewwel tentattiv tagħha f’Tazza tad-Dinja tal-ISSF.
Il-midalja tad-deheb intrebħet minn Oguzhan Tuzun (TUR), Matthew John Coward-Holley (GBR) ħa l-fidda, filwaqt li Prithviraj Tondaiman (IND) kiseb il-bronż.
Il-Malta Shooting Sport Federation tifraħ lil Team (MLT) għar-riżultati tajbin li nkisbu f’din it-Tazza tad-Dinja tal-ISSF.
