Sport Waterpolo

Telfa għat-tim Malti fl-aħħar partita ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja

RUMANIJA…….13

MALTA……………6

It-tim Nazzjonali Malti sofra telfa fl-aħħar logħba tiegħu fil-kwalifikzzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2023.

Il-Maltin tilfu kontra t-tim b’saħħtu Rumen bl-iskor finali ta’ 13-6, b’din it-telfa l-Maltin xorta jispiċċaw fit-tielet post tal-klassifika finali ta’ din id-diviżjoni qabel it-tim Ukren u Brittaniku.

Serji ta’ żbalji matul il-partita ma għenu xejn sabiex it-tim Malti jieħu xi ħaġa minn din il-partita.

Minkejja dawn l-iżbalji, it-tim Malti kien kapaċi jsib ix-xibka 6 darbiet kontra wieħed mill-iktar timijiet b’saħħithom fil-kompetizzjoni.

Il-gowls tat-tim Malti waslu minn Liam Galea, Jayden Cutajar, Sam Gialanze, Benji Cachia u żewġ gowls ta’ Jeremy Abela.

Ir-Rumeni rnexxielhom jegħlbu lil Maltin f’kull sessjoni fejn irnexxielhom jiskurjaw 13-il gowl, bl-aqwa skorer tal-partita jkun Tudor Fulea.

Stqarrija tal-kowċ Milan Cirovic uriet il-fiduċja li għandu l-kowċ għat-tim Nazzjonali Malti, fejn stqarr li għalkemm Malta tilfet l-aħħar partita, xorta jinsabu kuntenti bil-prestazzjoni tal-plejers, u sussegwentament stqarr li jinsab kuntent bil-kwalifikazzjoni tagħhom u li din jikkonferma l-futur sabiħ tal-Waterpolo Malti.