Lokali Qorti

Akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil ħuh fuq wirt

Raġel ta’ 60 sena minn Ħal Qormi ġie mixli quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li kkaġuna ġrieħi gravi ħuh wara argument jaħraq. Minkejja li saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest il-Qorti ċaħdet it-talba f’dan l-istadju minħabba l-gravita’ tal-każ.

Leonard Pace ġie akkużat li kkommetta dan ir-reat f’Ħal-Qormi stess u li nsulenta lil ħuh u li kiser il-paċi pubblika. L-Ispettur Omar Zammit qal li hemm xi kwistjonijiet fuq wirt bejn il-familja u li nhar Sibt dan kollu eskala u seħħ l-inċident.

Permezz tal-Avukat tiegħu Roberto Montalto l-akkużat talab għall-pleġġ fejn il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba l-gravità tal-akkużat u l-biża li jiġu kontaminati l-provi. Dan minħabba li hemm diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu f’dan il-każ.

Id-difiża qalet li hemm filmati ta’ dan l-inċident li anke ġie mitfuh fuq tik tok u għalhemm ma hemmx biża ta’ intraċċ ta’ provi. L-Avukat Montalto qal li kien il-vittma li mar għall-akkużat biex jipprovokah. Il-Prosekuzzjoni qalet iżda li mill-filmati jidher ċar li kien l-akkużat li ħebb għall-vittma.