Jerome Caruana Cilia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal fil-parlament l-gvern qed jagħmel dejn bla kontroll għaliex m’għandux viżjoni għall-futur.
Jerome Caruana Cilia qal li s-sentenza tal-qorti dwar l-isptarijiet uriet il-livell ta’ korruzzjoni li l-pajjiż inħakem minnha b’detriment għall-poplu kollu u għall-ambjent. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pajjiż hu nieqes miċ-ċertezza u sostna li l-poplu għandu qtigħ ta’ qalb għall-futur tiegħu tant li 70% taż-żgħażagħ ma jarawx futur f’dan il-pajjiż.
Għalhekk il-pajjiż jeħtieġ bidla fid-direzzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-NSO jistabilixxi li d-dejn qabeż €8.9 biljun, żieda ta’ €775 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
It-tendenza turi li l-pajjiz se jibqa’ miexi fejn f’Jannar ta’ din is-sena d-dejn kien €120 miljun; id-doppju tas-sena li għaddiet. L-ispiża tad-dejn f’Jannar 2023 qed tiswa €15-il miljun.
F’inqas minn 10 snin il-gvern sploda d-dejn minn €4.8 biljuni fl-2012 għal €9 biljuni sa Jannar 2023. Dan id-dejn ma sarx minħabba investiment fl-edukazzjoni jew fis-saħħa iżda minħabba l-korruzzjoni fosthom fl-isptarijiet.
Is-sentenza tal-qorti dwar il-korruzzjoni tal-isptarijiet hi rebħa għall-poplu Malti iżda din hi biss il-bidu, sostna Jerome Caruana Cilia, li kompla li l-pjani kienu li s-serq mill-isptarjiet ikun ta’ €4,000 miljuni (€4 biljuni) minn ħalq il-poplu.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern għamel ftehim bil-moħbi biex Steward jingħataw €100 miljun talli m’għamlu xejn. Hu sostna li l-gvern wettaq tberbieq kbir fl-aħħar 10 snin fosthom il-każi tal-Cafe Premier, tal-windfarms fil-Montenegro, tal-Electrogas, tal-AUM, tal-passaporti, tal-medical visas tal-Libja, tar-riklami tal-ministri minn flus il-poplu, tat-€13,000 fix-xahar lil Sai Mizzi, tal-membri tal-MFSA u tall-FIAU jixxalaw La Vegas ma’ Yorgen Fenech, tal-bini tal-ITS bl-irħis, tal-ħbieb bi tliet karigi u tad-direct order ta’ €274 miljun dwar San Vinċens li kien kkudannat mill-Awditur Ġenerali.
Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) irrifletta dak li tgħid l-Oppożizzjoni dwar iż-żieda bla kontroll fid-dejn sa €9 biljuni u widdeb lill-gvern biex ikun hemm iktar sforzi man-nefqa rikorrenti.
Hu semma’ l-UE u qal li fl-aħħar sentejn l-UE għalqet għajnejha li l-pajjiżi jistgħu jiżgarraw fil-kriterji tad-dejn minħabba l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajina iżda dan mhux se jibqa’ hemm għal dejjem.
Din il-libertà ta’ dejn bl-addoċċ se tispiċċa u Malta jkollha sfida li terġa’ tmur fit-triq it-tajba; jekk ma jkunx hemm attenzjoni Malta se tiffaċċja diffikultajiet. Il-gvern m’għandux pjan kif titwaqqaf in-nefqa rikorrenti, sostna Jerome Caruana Cilia, li kompla li l-gvern m’għandux pjan ekonomiku u viżjoni.
Gvern Nazzjonalista ħalla l-pajjiż b’setturi ekonomiċi b’saħħithom iżda dan il-gvern Laburista ma ħoloq l-ebda settur ekonomiku ġdid. Hu qal li l-gvern Laburista wiegħed il-blockchain u t-turiżmu mediku, li t-tnejn fallew.
Il-Gvern issa qed jgħid li se jibdel ir-rċetta dwar l-importazzjoni tal-ħaddiema meta kien l-istess ministru li ddefendiha. Din il-politika ġabet piżijiet kbar fuq l-infrastruttura u s-servizzi fil-pajjiż, sostna deputat Nazzjonalista, li sostna li l-IMF qed twiddeb lill-gvern Laburista dwar diversi setturi.
Hu semma’ l-kompetittività u qal li huma biss 58% li għadhom jaraw lil Malta bħala kompetittiv għan-negozju; ferm inqas mill-2020. Dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiż, id-deputat Nazzjonalista qal li l-iskandlu kissru r-reputazzjoni fosthom bl-agħar riżultat fl-Indiċi tal-Korruzzjoni.
Sfida oħra għall-kompetittività hi l-governanza, sostna Jerome Caruana Cilia li kompla, li l-MFSA ħadet id-deċiżjoni dwar Karl Cini u Brian Tonna ta’ Nexia BT, 22 xahar wara li dawn tressqu l-qorti f’Marzu 2021 akkużati b’reati ta’ ħasil ta flus u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.
Hu qal li l-Ministru tal-Finanzi kien iddikjara li kien waqt is-superviżjonijiet li l-MFSA saret taf bil-każ iżda l-Ministru tal-Finanzi ma tax dettalji dwar il-proċeduri minħabba li qal li ma jkunux magħrufa għall-pubbliku. Ma waqfux jipproteġu lill-Pilatus u lill-klikka żgħira ta’ nies.
Jerome Caruana Cilia qal li diversi imprendituri fetħu proċeduri kontra l-FIA fejn qalu li din qed tikser il-kostituzzjoni u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fosthom hemm bank lokal li weħel multa ta’ iktar minn €300,000 mill-FIAU li appella minn din il-multa quddiem il-Qorti tal-Appell u għamel kawża li fiha qed jakkuża lill-FIAU li qed tmur kontra l-kostituzzjoni li tgħid li l-proċeduri kollha ta’ kull qorti għandhom jinżammu fil-pubbliku iżda l-laqgħat tal-FIAU isiru fil-magħluq.
Hu qal li lanqas l-entità akkużata ma tista’ tattendi għal dawn is-seduti u għalhekk l-FIAU mhix tribunal indipendenti. L-Imħallef Wenzu Mintoff iddeċieda li jkun għalxejn li jisma’ l-appell sakemm tinqata’ l-kawża kostituzzjonali li qed isir dwar dan il-każ.
Ripetutament il-qorti qed tiddikjara li dawn il-multi huma esaġerati u mhumiex ġusti. L-FIAU ma tistax takkuża u tiġġudika hi stess għaliex mhix ‘il mil-liġi. Il-qrati qed iniżżlu b’mod qawwi l-muti li tagħti l-FIAU iżda l-professjonisti mmultati kellhom ir-reputazzjoni mtebba’. Għalhekk jeħtieġ l-ogħla livelli ta’ governanza tajba.
Hu staqsa jekk il-gvern għandux pjan għal meta jintilfu dawn il-kawżi u sostna li l-gvern qed jgħid li m’għandux flus għall-infermiera u l-qwiebel iżda sab €400 miljun għal Vitals u Steward.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-korruzzjoni tal-isptarijiet kienet serqa mit-taxxi tal-poplu u mingħajr due diligence meħtieġ. Hu sostna li trid tintrefa’ r-responsabbiltà minn dawk responsabbli u għandhu jkun speċifikat fejn u lil min inbtagħtu l-€400 miljun.
//= $special ?>