Lokali

Gvern li qed jaffaċja “terremot politiku”

Fi kliem l-editur tal-Malta Independent, Robert Abela qed jaffaċja terremot politiku. Dan hekk kif sa issa għadu ħadd ma refa’ responsabbiltà għad-deal skandaluż tal-isptarijiet illi ġie kundannat mill-Qorti. U kulħadd għadu qed jistenna li ssir ġustizzja.

L-editorjal tal-Independent jirreferi għas-survey li sar mill-MaltaToday illi wera kif fl-aħħar ġimgħat naqas sew id-distakk bejn iż-żewġ partiti. Bl-editur jgħid li l-PN fadallu aktar x’jaħdem, għalkemm jinsab f’pożizzjoni aħjar mal-elettorat.

Is-survey juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti niżel għal 8,500 vot.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żied il-fiduċja b’6% biex issa laħaq is-26% bid-distakk bejn iż-żewġ Kapijiet huwa biss ta’ 8%.

Il-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela ħadet daqqa kbira hekk kif din niżlet għal 34.3% l-inqas li qatt kellu. B’dan il-persentaġġ Abela naqqas 11-il punt mill-aħħar stħarriġ li sar fi Frar li għadda.